Il-rati mal-ELC “mhux favorevoli għall-Gvern” – L-Awditur Ġenerali

L-Awditur Ġenerali qal li l-ftehim li għandu l-Gvern mal-Environmental Landscapes Consortium Limited (ELC) għat-tisbiħ taż-żoni pubbliċi missu ġie tterminat minħabba numru ta’ ksur fil-kuntratt. Minkejja dan il-ftehim ġie mġedded għal darba darbtejn minkejja li “r-rati fil-kuntratt għat-tisbiħ taż-żoni pubbliċi m'humiex favorevoli għall-Gvern.
Il-Gvern nefaq iktar minn €100 miljun fit-tisbiħ taż-żoni pubbliċi ambjentali fl-aħħar 15-il sena, permezz ta’ dan il-ftehim. L-Awditur Ġenerali qal li filwaqt li l-ftehim mal-ELC kien strumentali fit-tisbiħ tax-xenarju ambjentali tal-Gżejjer Maltin, diversi kwistjonijiet amministrattivi relatati man-negozjati, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta’ dan il-kuntratt, xekklu lis-Servizz Pubbliku milli jiżgura sħubija iktar bilanċjata bejn iż-żewġ partijiet.
Ir-rapport iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar konsiderazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi marbuta ma’ din is-Sħubija. Eżerċizzji ta’ benchmarking urew li r-rati kuntrattwali negozjati mhumiex favorevoli għall-Gvern. L-Awditur Ġenerali jgħid li s-sitwazzjoni setgħet ġiet aggravata peress li kemm il-Ftehim oriġinali tal-2002, kif ukoll iż-żewġ estensjonijiet ta’ dan il-Kuntratt, ma ngħatawx b’sejħiet għall-offerti kompetittivi.
Ir-rapport jgħid li l-Gvern mhux dejjem utilizza l-kapaċità massima li joffri l-Kuntratt għall-manutenzjoni tas-siti. Dan wassal biex il-Gvern ġarrab spejjeż addizzjonali billi l-ELC u kuntratturi oħra ngħataw kuntratti separati meta dawn ix-xogħlijiet setgħu jsiru permezz tal-Ftehim eżistenti.
L-Awditur sab ukoll li l-ELC kiser diversi drabi l-klawżoli fil-kuntratt billi mhux dejjem fittex l-awtorizzazzjoni tal-Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP) Monitoring Unit qabel ma wettaq tibdiliet fis-servizzi miftiehma. Apparti hekk il-kuntrattur naqas milli jħallas polza t’assigurazzjoni li tkopri s-servizzi provduti minnu, kif ukoll garanzija bankarja. Barra minn hekk, il-Ftehim ma speċifikax b'mod ċar l-eżenzjonijiet tal-Value Added Tax applikabbli fuq l-ispejjeż tal-pagi. Dawn iċ-ċirkostanzi jindikaw li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-Kuntratt mhux dejjem kienu fis-seħħ.
L-Awditur jgħid ukoll li l-moniteraġġ ta’ dan il-kuntratt ma jistax isir kif suppost u l-infurzar huwa dgħajjef għax l-entità li suppost tieħu ħsieb m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex twettqu.