63.7% tal-Kattoliċi f’Malta jgħidu li marru l-quddiesa tal-Ħadd – stħarriġ MT

63.7% tal-Kattoliċi f’Malta qalu li kienu attendew il-quddiesa tal-Ħadd ta’ qabel ma saritilhom il-mistoqsija.
Dan ħareġ f’sondaġġ li għamlet il-gazzetta MaltaToday ippubblikat nhar il-Ħadd li għadda.
L-akbar grupp ta’ persuni (79.7%) li wieġbu li kienu attendew il-quddiesa kienu dawk li għandhom aktar minn 65 sena. Iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena kienu l-iżgħar grupp (46.2%).
Mid-distretti li fihom għamlet is-sondaġġ tagħha, il-Maltatoday sabet li f’Għawdex kien hemm l-akbar attendenza (81.0%) għall-quddiesa tal-Ħadd preċedenti. L-inqas rata ta’ attendenza (57.1%) nstabet fin-Nofsinhar ta’ Malta.
F’sondaġġ li kienet għamlet fl-2016, l-istess gazzetta kienet sabet li ftit aktar min-nofs il-kattoliċi (52.6%) kienu jattendu għall-quddies nhar ta’ Ħadd. Qalet li r-riżultati tal-2016 kienu simili ta’ dawk tal-2006.
F’Diċembru tal-2017, iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka fi ħdan il-Knisja f’Malta Discern organizzat ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies fil-knejjes kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Fl-istħarriġ tagħha ta’ din is-sena, il-MaltaToday sabet ukoll li 93% tal-Maltin huma Kattoliċi u li 88.8% tal-Maltin ma jridux li l-Kattoliċiżmu jitneħħa minn reliġjon uffiċjali mill-Kostituzzjoni Maltija.
Fl-2015 kien sar live-in għall-kappillani li fih iddiskutew il-Quddiesa tal-Ħadd.