Il-quddiesa fil-ftuħ tal-Università mill-ġdid fuq fomm l-istudenti

Anke din is-sena, is-sena akkademika fl-Università bdiet mingħajr il-quddiesa tradizzjonali fuq il-Kampus.

Mis-sena li għaddiet, il-quddiesa tal-ftuħ imxiet fil-ħin u fil-post.  Din saret tiġi ċċelebrata fin-12.30pm, fil-ħin li l-ħaddiema tal-Università jkollhom il-brejk u ssir fil-kappella ż-żgħira tal-Ġiżwiti ħdejn l-entratura l-antika tal-Università.

Fis-snin li għaddew, il-quddiesa kienet tiġi ċċelebrata fil-Quadrangle tal-Università u dan l-aħħar kienet qed issir fis-Sala Sir Temi Zammit.

Skont it-tmexxija tal-Università l-quddiesa bdiet issir fil-kappella għaliex hu l-post l-iktar adattat għat-talb u anke biex l-istudenti jidraw il-ħin tal-quddiesa fil-kappella.

Aktar minn 3,000 persuna sa issa ffirmaw il-petizzjoni onlajn biex il-quddiesa terġa’ tkun parti integrali mill-ftuħ tas-sena akkademika.

Newsbook.com.mt staqsa lill-istudenti jekk hux il-post li jagħmel il-quddiesa.  Studenta partikolari qalet li “ħafna mill-istudenti universitarji lanqas jafu li hemm kappella fl-Università, aħseb u ara kemm jafu fi x’ħin hi l-quddiesa”.

Studenta oħra sostniet li taqbel li l-quddiesa għandha ssir fil-kappella għax l-ambjent hu ta’ ġabra.

Kien hemm min issuġġerixxa li f’okkażjoni tal-ftuħ tas-sena akkademika, il-quddiesa għandha ssir fuq barra għax il-kappella hi wisq żgħira għax fuq kollox “l-aqwa li jkun hemm il-preżenza ta’ Alla u tal-Ewkaristija”.

Student ieħor qajjem il-punt li “fil-Quandrangle matul l-ewwel ġimgħa universitarja jkun hemm post għal ma nafx kemm-il organizzazzjoni u reklam, imma meta wieħed jitlob biex issir quddiesa, donnu il-post sar ikun dejjem fully-booked”.

Aktar minn 3,400 student din is-sena bdew sena akkademika ġdida fl-Università. 1,406 se jattendu għall-ewwel darba l-Junior College.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ,  ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, stieden lill-istudenti biex joħolmu dwar teknoloġiji ġodda, dwar soċjetà aktar imħarrġa u miftuħa, dwar ambjent sostenibbli, dwar valuri umani u dwar ekonomija dinamika.

It-tema ta’ din is-sena akkademika hi “Bejn viżjoni u realtà … hemm int, l-impenn u l-azzjoni”.

Il-Prof. Camilleri, għal darb’oħra, appella biex jinstab mezz ta’ finanzjament fit-tul għall-Università, biex is-sostenibbiltà u l-awtonomija tagħha jkunu protetti u msaħħa.