Il-qtugħ tal-irjus ma jsolvi xejn – il-President tal-GWU

GWU

Read in English.

Il-President tal-General Workers’ Union (GWU) Victor Carachi qal li l-qtugħ tal-irjus ma jsolvi xejn u li jrid ikun hemm riformi effettivi.

Dan qalu fil-messaġġ tiegħu għall-Ewwel tas-Sena.

Qal li Malta għaddejja minn żmien diffiċli ħafna. Qal li l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia affetwa ħażin lill-“li normalment huwa magħruf għall-ospitalità u l-qalb tajba” tiegħu.

Carachi spjega li biex jibda l-proċess ta’ fejqan huwa important li dawk involuti jinġiebu quddiem il-ġustizzja mingħajr biża’ jew favuri.

Appella biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdemu. Qal li “m’għandu jkun hemm l-ebda ndħil la mill-midja, la minn dawk li qed jipprotestaw għall-ġustizzja u wisq anqas mill-politiċi.”

In-nies huma ħielsa li jipprotestaw – il-President tal-GWU

Carachi qal li l-istituzzjonijiet mhumiex perfetti u li l-gvern u l-oppożizzjoni għandhom jiddefenduhom u jtejbuhom.

“Ix-xeni li rajna fil-ġimgħat li għaddew – fil-Belt kapitali tagħhna – irredikolaw lilna lkoll bħala poplu u nazzjon li jappartjeni fid-dinja ċivilizzata. Filwaqt li wieħed jifhem li n-nies huma rrabjati u għandhom ikunu ħielsa li jipprotestaw, din ir-rabja m’għandhiex tkun waħda ta’ mibegħda lejn l-avversarji.”

Skont Carachi huwa important li meta jkun hemm PM ġdid, il-parlament għandu jiġi lura għan-normalità u jiżgura li jsiru r-riformi tal-Kostituzzjoni u tal-istituzzjonijiet bl-approvazzjoni taż-żewġ naħat tal-kamra.

“Li jinqatgħu l-irjus ‘l hemm u ‘l hawn mhu se jsolvu xejn, iżda għandhom ikunu r-riformi li jiggarantixxu indipendenza b’kontabilità, kontroll u effiċjenza, u segregazzjoni tal-poteri, li jiksbu għal riżultati effettivi,” qal Carachi.

“Iż-żmien li jkollok President ta’ Malta simboliku spiċċa! Iż-żmien li jkollok il-biċċa l-kbira tal-poteri eżekuttivi mogħtija lill-Prim Ministru buss spiċċa wkoll!” saħaq Carachi.