Il-qtugħ ta’ dawl tefa’ lil Malta 5 snin lura – GRTU

Read in English.

Il-qtugħ ta’ dawl tefa’ lil Malta ħames snin lura skont il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU).

Fi stqarrija l-GRTU qalet li kellha laqgħa mal-Enemalta dalgħodu minħabba l-qtugħ tad-dawl li affettwa b’mod negattiv lin-negozji waqt perjodu importanti għall-bejgħ.

Iċ-Chairperson tal-Enemalta Kevin Chircop u l-Kap Eżekuttiv Jason Vella taw spjegazzjoni dettaljata lill-GRTU dwar x’ġara. L-Enemalta assigurat lill-GRTU li kienet qed tagħmel dak kollu li hu possibli biex jerġa’ jiġi evitat qtugħ tad-dawl.

Il-President tal-GRTU Paul Abela qal li wieħed ma jistax jeskludi li terġa’ ssir xi ħsara lill-interconnector u qal li l-infrastruttura Maltija teħtieġ aktar investiment.

Il-GRTU qed tipproponi investiment f’sistemi ta’ ħażna tal-enerġija, konnessjoni addizzjonali mal-grid Ewropew u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà alternattivi bbażati fuq infrastruttura lokali biex tonqos id-dipendenza fuq l-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija.

ll-GRTU qed tissuġġerixxi lin-neogzji li sakemm jitranġa l-interconnector jagħmlu arranġamenti indipendenti. In-negozji ġew ukoll avżati mill-GRTU biex jixgħelu l-elettriku tagħhom pass wara pass wara li jkun hemm xi qtugħ tad-dawl biex ma ssirx ħsara fis-sistemi tagħhom.

Dalgħodu l-Partit Nazzjonalista appella biex jinxtara interconnector ieħor wara l-aħħar episodji ta’ qtugħ ta’ dawl f’Malta.

X’nafu dwar il-qtugħ tad-dawl?