Il-qtil u l-persekuzzjoni f’isem ir-reliġjon mhux aċċettabbli

Mhux aċċettabbli li persuni jkunu ppersegwitati jew maqtula minħabba r-reliġjon li jemmnu fih. Kull persuna għandha dritt li temmen u turi t-twemmin reliġjuż tagħha, hu x’inhu, mingħajr tfixkil.
Dan qalu l-Papa Franġisku lil grupp ta’ persuni mill-komunità Yazidi tal-Ġermanja.
Il-Yazidi huma minoranza reliġjuża li ħafna minnhom inqatlu u l-oħrajn kienu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom mill-ISIS u fittxew kenn f’xi pajjiż ieħor fosthom il-Ġermanja.
Grupp minn dawn in-nies attendew f’udjenza ma’ Franġisku fis-Sala Pawlu V fil-Vatikan ftit jiem ilu. 
Il-Papa sellmilhom u qal li jixtieq jgħannaq lill-membri kollha ta’ din il-komunità, partikolarment dawk li qed jgħixu fl-Iraq u s-Sirja. “It-talb u s-solidarjetà tiegħu imorru għall-vittmi innoċenti ta’ dan il-barbariżmu inuman u bla sens”, qal il-Papa.
Hu kkundanna l-fatt li l-istorja ta’ dawn in-nies, għonja fl-ispiritwalità u l-kultura, sfortunatament hi mmarkata “bi ksur li ma jitwemminx tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ħtif, skjavitù, tortura, konverżjonijiet furzati u saħansitra qtil”.
Papa Franġisku lmenta li s-santwarji u l-postijiet tat-talb ta’ dawn in-nies sfaw imfarrka u distrutti. Dawk fortunati fost dawn in-nies irnexxielhom jaħarbu iżda dejjem iħallu kollox warajhom, anke l-aktar affarijiet sagri u għeżież.
“F’ħafna partijiet tad-dinja għad hemm minoritajiet reliġjużi u etniċi, inkluż Insara, li għadhom qed ikunu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom.
Is-Santa Sede ma tiqafx titkellem u tikkundanna dawn is-sitwazzjonijiet u titlob li dawn il-minoritajiet ikunu rrikonoxxuti, protetti u rispettati”, sostna l-Papa Franġisku.
“Għal darb’oħra rrid insemma’ leħni favur id-drittijiet tal-Yazidi, fuq kollox għad-dritt li dawn jeżistu bħala komunità reliġjuża: ħadd m'għandu dritt iħassar grupp reliġjuż għax mhux tollerat”, qal il-Papa.
Fakkar li għad hemm membri ta’ din il-komunità li għadhom maħtufa minn terroristi u wera t-tama li jsir dak kollu possibbli biex dawn ikunu salvati.
“Il-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ siekta quddiem dak li għaddejjin minnu” qalilhom il-Papa.
Huwa ħeġġeġ individwi, istituzzjonijiet u membri ta’ komunitajiet oħra biex jikkontribwixxu biex jinbnew mill-ġdid id-djar u l-knejjes tal-Yazidi, filwaqt li enfasizza l-importanza li jittieħdu inizjattivi biex jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet biex ir-refuġjati jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom u jżommu l-identita tagħhom.