“Il-qtil tal-mexxej tal-ISIS ta’ serħan tal-moħħ” – Imam

FILE PHOTO: A man purported to be the reclusive leader of the militant Islamic State Abu Bakr al-Baghdadi has made what would be his first public appearance at a mosque in the centre of Iraq's second city, Mosul, according to a video recording posted on the Internet on July 5, 2014, in this still image taken from video. Social Media Website via Reuters TV

Read in English.

Il-mexxej (Imam) tal-kommunitá Musulmana f’Malta qal li l-mewta tal-mexxej tal-Istat Iżlamiku (ISIS) hija xiħaġa ta’ ferħ u serħan tal-moħħ.

Il-mexxej tal-ISIS qatel lilu nnifsu billi uża ċintorin tas-suwiċidju waqt operazzjoni tal-militar Amerikan. Il-President tal-Amerka Donald Trump qal dan lill-ġurnalisti. Huwa spjega li Abu Bakr al-Baghdadi daħal fi sqaq li jagħlaq fid-dar fejn kien qed jistaħba, u ħa miegħu tliet itfal minn tiegħu. Huma mietu miegħu fl-isplużjoni.

Fi stqarrija, l-Imam Mohammed Elsadi qal li l-mexxej tal-ISIS imur kontra l-Iżlam, il-Musulmani u l-umanità. Dan għax dawwar ir-reliġjon ta’ paċi li hu l-Iżlam, f’reliġjon ta’ mibgħeda u kaos.

Żied li l-ISIS hija theddida għall-eżistenza tal-Musulmani madwar id-dinja. Qal li l-grupp għamel ħerba bil-qtil, tifrik, u persegwitazzjoni tal-kommunità Yazidi. Elsadi kkonkluda billi qal li bil-mewta tal-mexxej t’ISIS, jixtieq li d-dinja qatt ma terġa tesperjenza grupp bħal ISIS jew kriminal bħal al-Baghdadi.