“Il-qtil tal-immigrant f’Ħal Far hu tebgħa fuq il-kuxjenza Maltija” – Il-President

Read in English.

Il-President George Vella qal li l-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane f’Ħal Far jibqa’ mmarkat bħala tebgħa fuq il-kuxjenza tal-Maltin.

Dan qalu meta ltaqa’ mal-Kummissjoni Emigranti, waqt żjara f’Dar l-Emigrant fil-Belt Valletta u s-Sorijiet tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan, li joffru diversi servizzi b’xejn lill-immigranti li jiġu Malta jfittxu ħajja aħjar minn art twelidhom minħabba gwerra jew faqar.

Aqra: Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Il-President ingħata merħba minn Monsinjur Alfred Vella u Monsinjur Philip Calleja mal-wasla tiegħu f’Dar l-Emigrant. Hemmhekk iltaqa’ wkoll mal-immigranti li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din l-għaqda mhux governattiva, filwaqt li tkellem mal-voluntiera li jaħdmu f’dan il-qasam.

Filwaqt li faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Kummissjoni Emigranti u rringrazzja lill-voluntiera għax-xogħol siewi li qed jagħmlu, il-President Vella qal li l-qtil riċenti ta’ Lassana Cisse Souleymane huwa “tebgħa fuq il-kuxjenza Maltija” u sostna li l-qalb Maltija tikkundanna atti bħal dawn.

Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-President żied jgħid li Malta qed tisħaq fuq il-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Mons. Vella qal li l-Kummissjoni Emigranti tipprovdi 400 sodda f’14-il post differenti lill-immigranti, fosthom fil-Bon Pastur. Spjega kif il-funzjoni ta’ Dar l-Emigrant inbidlet mas-snin u minn servizzi li kienu jingħataw lill-Maltin li jemigraw, illum qed tgħin lil immigranti li jiġu Malta.

Aqra: Filmat: Qtil Ħal Far: ‘Minn miċħud għal eliminat’; Bżonn ta’ analiżi kritika – l-Arċisqof

Il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll l-arkivji f’Dar l-Emigrant fejn hemm mat-12,000 applikazzjoni għall-passaporti tal-Maltin li emigraw, kif ukoll mat-30,000 applikazzjoni ta’ migranti li talbu ażil f’Malta f’dawn l-aħħar 50 sena.