“Il-qtil ta’ Souleymane qed joħloq biża’ fil-komunità”

Il-qtil tar-raġel f’Birżebbuġa ġie deskritt bħala att ta’ vjolenza li jkexkex u li qed joħloq biża’ fil-komunità sħiħa tal-immigranti minn 23 għaqda mhux governattiva. Huma saħqu li qed jistennew il-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet li hemm għaddejjin filwaqt li talbu l-awtoritajiet biex jikkundannaw atti ta’ vjolenza.

L-għaqdiet esprimew ukoll is-solidarjetà u d-dieqa għall-qtil ta’ Lassine Souleymane, li nqatel nhar is-Sibt li għadda f’Birżebbuġa filwaqt li żewġ persuni oħra sfaw midruba.

Fi stqarrija ffirmata minnhom, l-għaqdiet saħqu li kienet x’kienet ir-raġuni wara dan l-inċident traġiku, il-biża’ qed taffettwa l-komunità tal-immigranti filwaqt li qed toħloq sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà u iżolazzjoni.

Huma komplew jispjegaw li huma kawti fuq dak li qed jingħad dwar jekk il-qtil kienx fuq bażi ta’ razza filwaqt li saħqu jekk jirriżulta li kien il-każ allura r-reat ikun iktar gravi hekk kif iservi biex joħloq biża’ kbira f’komunitajiet sħaħ.

L-għaqdiet reġgħu sostnew is-solidarjetà tagħhom mal-komunità li tgħix f’Ħal Far.

L-għaqdiet jitolbu l-Pulizija tieħu l-passi neċessarji

Fl-istqarrija tagħhom l-għaqdiet talbu lill-Pulizija biex tieħu l-passi neċessarji biex jinqabad min wettaq dan ir-reat. Sostnew li l-vittmi għandhom jiġu trattati ta’ vittmi u jingħataw l-appoġġ u l-protezzjoni meħtieġa.

L-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija huma aditus foundation, African Media Association Malta, Allied Rainbow Communities, Blue Door English, The Critical Institute, Department for Inclusion and Access to Learning – University of Malta, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, International Association for Refugees, Isles of the Left, Jesuit Refugee Service (Malta), LGBTI Plus Gozo, Malta Emigrants’ Commission, Malta Humanist Association, Malta LGBTIQ Rights Movement, Men Against Violence, Moviment Graffitti, National Foster Care Association Malta, Richmond Foundation, Solidarity with Migrants, Spark15, Victim Support Malta, u l-Women’s Rights Foundation.