Il-qtil ta’ saċerdot joħloq tħassib dwar is-sigurtà tal-qassisin fil-Kongo

Il-qtil ta’ saċerdot fir-Republika Demokratika tal-Kongo qed joħloq tensjoni bejn il-Gvern u l-Knisja Kattolika minħabba tħassib serju dwar is-sigurtà tal-kleru f’dan il-pajjiż. 
an wassal biex il-Knisja qed tipprova tikkonvinċi lill-President Joseph Kabila biex ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni għal President tal-pajjiż.
Fit-2 ta’ dan ix-xahar il-ġisem ta’ Fr Florent Mbulanthie Tulantshiedi, saċerdot Kattoliku, instab maqtul fuq dgħajsa rmiġġjata max-xatt tax-Xmara Kasai, fil-Punent tal-pajjiż. Skont rapporti fil-midja, is-saċerdot inqatel bit-tgħalliq.
Skont seminaristi li kienu studenti tiegħu, Fr Tulantshiedi naqas ftit jiem qabel ma nstab mejjet.
“Nhar il-Ġimgħa konna infurmati li nstab katavru f’xatt ix-xmara.  Kien imbiċċer tant li ma kienx jingħaraf. Meta tawna l-ħwejjeġ li kien liebes u affarijiet oħra li kellu fuqu fosthom kuruna, u arloġġ indunajna min kien” qal Fr Georges Minga mill-istess komunità.
Il-Pulizija qalu li m’għandhom ebda suspsetti dwar min kien hemm wara dan id-delitt u anqas il-mottiv għalih.
Il-mewt misterjuża ta’ dan is-saċerdot ta’ 46 sena xettlet il-biża’ li l-Istat jista’ jirritalja kontra l-Knisja Kattolika li ħadet sehem fi protesti li saru għar-riżenja tal-President Kabila. Il-Kleru kien ukoll fil-mira ta’ numru ta’ gruppi miltanti li hemm fil-pajjiż.
Skont sit elettroniku Taljan li jsegwi l-ħidma tal-Knisja madwar id-dinja, is-sena li għaddiet fil-Kongo nqatlu wkoll Fr Vincebt Machozi, Fr. Joseph Mulimbi Nguli kif ukoll accountant tal-Caritas f’Basankusu.
Organizzazzjonijiet Kattoliċi Lajċi, ħafna drabi bl-appoġġ tal-Knisja, ilhom sa mill-2016 jipprotestaw kontra l-Gvern l-aktar wara li falla ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li kien intlaħaq bil-medjazzjoni tal-Knisja.
Joseph Kabila ilu fil-poter għal dawn l-aħħar 15-il sena wara li missieru li kien imexxi l-pajjiż kien assassinat fl-2001. Fl-2011 hu ngħata mandat presidenzjali ieħor. Meta fl-2016 ma telaqx il-poter kif titlob il-Kostituzzjoni tal-pajjiż, bdew il-protesti kontrih li ħallew numru ta’ nies mejta.
Fl-assenza ta’ Oppożizzjoni kredibbli u stampa ħielsa, il-Knisja Kattolika hi l-unika vuċi kredibbli li tista’ titkellem f’isem il-poplu quddiemi ir-reġim ta’ Kabila. Il-Kattoliċi jammontaw għal madwar nofs il-popolazzjoni tal-Kongo li hi ta’ madwar 80 miljun persuna.
F’din is-sena biss, s’issa il-forzi ta’ Kabila diġà wettqu attakki fuq 134 knisja u kappella u bis-suldati jisparaw fuq in-nies waqt li jkunu ħerġin mill-quddies.
Il-Kardinal Laurent Monsengwo qal li l-Knisja qed tkun attakkat biex ma titħallhiex taqdi l-missjoni tagħha li tfittex il-paċi u r-rikonċiljazzjoni.
Il-Knisja Kattolika fil-Kongo tmexxi l-infrastruttura edukattiva, medika u ta’ servizzi soċjali fil-pajjiż.