“Il-qtil ta’ Raymond Caruana jibqa’ weġgħa għall-familja Nazzjonalista” – Grech

Aġġornat 02:57 PM
Bernard Grech Raymond Caruana

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-qtil ta’ Raymond Caruana, l-istess bħalma jibqa’ weġgħa għal familtu, jibqa’ weġgħa għall-familja Nazzjonalista.

Illum jimmarka 34 sena minn meta Raymond Caruana nqatel b’tiri li ġew sparati lejn il-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja. Huwa kellu 26 sena.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar il-memorja ta’ Raymond Caruana billi poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju tal-Gudja u attenda quddiesa fil-Knisja Arċipretali tal-Gudja li saret b’suffraġju għalih.

Huwa qal li l-qtil tiegħu se jibqa’ tebgħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Issokta jgħid li, “Hemm bżonn li bħala poplu, u aħna l-politiċi, nibqgħu ta’ kuljum nippromettu li ma nħallu lil ħadd jagħmel mill-politika, politika tribali u partiġġjana. Hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala poplu wieħed u magħqud.”

It-tifkira ta’ Raymond Caruana hi ċ-ċaħda tal-vjolenza – ADPD

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo wkoll żar il-qabar ta’ Raymond Caruana u poġġa kuruna tal-fjuri fuqu.

Carmel Cacopardo qal, “Il-ġrajja li qed infakkru llum importanti li nibqgħu nżommuha quddiem għajnejna. 34 sena ilu ġiet mormija ħajja ta’ żagħżugħ f’mumenti ta’ tensjoni politika kbira. Għal waqtiet rebħet il-vjolenza. It-tifkira ta’ Raymond Caruana llum hi ċaħda tal-vjolenza mhux biss fil-ħajja politika imma fl-oqsma kollha tal-ħajja. Inżommu f’moħħna li d-djalogu u d-diskussjoni għandhom ikunu u jibqgħu l-pern tal-proċess demokratiku. Il-vjolenza u azzjonijiet li jwasslu għaliha qatt ma jistgħu jitħallew jgħollu rashom.”