Il-qtil ta’ nsara fin-Niġerja hu theddida għas-sigurtà fid-dinja

Insara jitolbu fil-knisja Kattolika ta’ San Karlu fiż-żona ta’ Sabon Gari fin-Niġerja fejn jgħixu ħafna nsara (Credit: AP Photo/Ben Curtis.)

Nhar il-Ġimgħa li għadda nqatel saċerdot ieħor fl-istat ta’ Enugu fin-nofsinhar tan-Niġerja, aktarx mill-estremisti tal-Fulani.  Fr. Paul Offu kien it-tielet saċerdot Kattoliku li nqatel f’din iż-żona fl-aħħar ħames xhur.

Il-grupp Jubilee Campaign, li jaħdem għal-libertà reliġjuża madwar id-dinja, bagħat rapport lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fejn sostna li l-attakki mill-Fulani fuq il-komunitajiet ta’ bdiewa nsara fin-Niġerja jikkwalifika bħala “ġenoċidju” skont standards internazzjonali.

52 attakk f’sitt xhur

Il-grupp jistma’ li mill-bidu ta’ din is-sena sa nofs Ġunju, l-Fulani wettqu 52 attakk simili. L-International Society for Civil Liberties and Rule of Law li hi bażata fin-Niġerja tgħid li matul l-2018 il-Fulani qatlu 2,400 persuna nisranija.

Ħafna drabi din il-vjolenza mwettqa mill-Fulani tkun deskritta bħala li m’hix ħidma kontra r-reliġjon għax tinvolvi kwestjoni li ilha ġejja snin twal dar l-użu tal-art bejn raħħala u bdiewa.

Iżda f’kumment li tat lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX, Sister Monica Chikwe tas-Sorijiet Ospitaljieri tal-Ħniena qalet li diffiċli tgħid lill-insara fin-Niġerja li din m’hix ġlieda reliġjuża meta huma jaraw ġellieda Fulani lebsin l-iswed, ikantaw “Allah hu Akbar” u “Mewt lill-Insara”.

Reżistenza bla vjolenza

Sal-lum ma kienx hemm ġlied akbar, grazzi għall-kleru nisrani li l-ħin kollu jippriedka reżistenza mingħajr vjolenza.  Iżda mhux ċar kemm din il-filosofija se tibqa’ aċċettata jekk il-vjolenza tibqa’ għaddejja bla rażan meta hemm perċezzjoni li l-awtoritajiet governattivi mhux kapaċi jew ma jridu jagħmlu xejn biex iwaqqfuha.

In-Niġerja qed tistabilixxi lilha nfisha bħala superpotenza Afrikana: hi l-akbar produttur taż-żejt fil-kontinent b’riserva ta’ 37 miljun barmil żejt (l-10 l-akbar riserva fid-dinja) u hi wkoll l-pajjiż fid-dinja bl-akbar popolazzjoni mħallta bejn Musulmani u Nsara.

Jekk is-sitwazzjoni teskala u tmur għall-agħar, il-konsegwenzi ma jibqgħux biss fin-Niġerja imma jistgħu jwasslu għal inkwiet ekonomi, militari u kulturali madwar id-dinja.

Illum jew għada, l-Komunità Internazzjonali se jkollha tirrikonoxxi li l-futur tal-popolazzjoni nisranija fin-Niġerja m’hix sempliċement kwestjoni ta’ drittijiet umani – għalkemm m’hemmx dubju li hi hekk – imma tippreżenta wkoll theddida kbira għas-sigurtà fid-dinja.