​Il-qtil ta’ Daphne tappan id-dehra ta’ Malta – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għalkemm id-dehra ta’ Malta ttappnet bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-istħarriġ ta’ Ernst & Young juri storja kompletament differenti. Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza ta’ Ernst & Young b'video link, Dr Muscat qal li l-qagħda tal-familji Maltin qed titjieb, kif qed jitjiebu wkoll il-credit ratings tal-pajjiż.
Sostna li s-saltna tal-liġi f’Malta hija b’saħħitha daqskemm hi b’saħħitha f’pajjiżi oħra Ewropej. Madankollu, qal il-Prim Ministru, huwa żmien li wieħed jinġabar u jixtarr sabiex jara kif l-aħjar li jtejjeb l-affarijiet.
F’referenza għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Muscat qal li dan il-qtil orribbli ma jiddefinixxix dak li jagħmilna Maltin. Qal li l-poplu jrid ikun dejjem aktar magħqud biex jegħeleb lil dawk li qed jippruvaw inisslu l-biża’. "Jien determinat li nsib min wettaq dan l-att orribbli," qal il-Prim Ministru Muscat.
Meta kien qed jitkellem dwar l-aspett ekonomiku, Dr Muscat qal li l-qasam tad-djar huwa sfida, iżda skontu, l-istudji juru li kull tħassib dwar l-għoli tal-prezzijiet tad-djar huwa fieragħ. 
Temm jgħid li Malta trid tiffoka fuq il-qasam tal-edukazzjoni sabiex trawwem ġenerazzjoni li tkun kapaċi teknoloġikament.
L-ekonomija tinsab mhedda – Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li r-reputazzjoni sigura u robusta li kienet tgawdi Malta theżżet bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt li kien qed jindirizza l-istess konferenza, Dr Delia qal li llum l-ekonomija ta’ Malta tinsab mhedda.
Sostna li s-sigurtà mhijiex xi kelma fiergħa, tal-moda, jew inkella xi perċezzjoni, iżda hija l-bażi li fuqha tissejjes il-produttività u s-sostennibbiltà.
Dr Delia qal li wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija, inkluż tal-qasam finanzjarju u industriji bħall-gaming, il-kostruzzjoni u t-turiżmu, huwa settur bankarju sod li ilu jikber għal dawn l-aħħar 15-il sena.
Kompla jgħid li Malta kellha reputazzjoni biex tiftaħar biha, iżda llum qed jiġi diskuss jekk l-ekonomija ta’ Malta hix se tibqa' sostenibbli għall-15-il sena li ġejjin.
Staqsa x’inhuma il-pjanijiet ta’ Malta, u jekk Malta hix qed tlaħħaq ma' ekonomiji li qed jiżviluppaw,.
Huwa sejjaħ għal aktar sigurtà, partikolarment fil-qasam ta’ l-internet.