Filmat: “Il-qtil ta’ DCG huwa riżultat tal-kollass tas-saltna tad-dritt” – Adrian Delia

 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa riżultat tal-kollass tas-saltna tad-dritt.
Waqt konferenza, Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid dan u fakkar fi kliem il-Prim Imħallef, li jekk tikkollassa s-saltna tad-dritt, tirrenja l-liġi tal-ġungla.
Saħaq li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Armata u l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li fi kliemu kollha kienu fiċ-ċentru tal-kritika tal-ġurnalista Caruana Galizia.
Appella li l-investigazzjoni tkun tassew indipendenti biex ikun assigurat li ssir ġustizzja.
Iddeskriva dak li seħħ illum bħala qtil politiku, u li l-aħħar darba li kien hemm każ simili, kien meta nqatel Raymond Caruana fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja.
Dr Delia kompla jgħid li dan hu jum ikrah fl-istorja politika tal-pajjiż u wara llum xejn iżjed mhux se jibqa’ l-istess.
Appella biex f'dan il-mument ta' "kriżi nazzjonali," ipoġġi, l-ewwel u qabel kollox, l-interess nazzjonali kif ukoll is-saltna tad-dritt, il-ġustizzja, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija f’pajjiżna.