“Il-qtil ta’ Daphne kixef il-falliment tal-istat” – PD

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kixef il-falliment tal-istat biex jipproteġi l-ħajja umana u kellu effett ħażin fuq il-libertà tal-istampa f’Malta. Saħaq dwar l-importanza li l-pajjiż jinbidel, u fl-istess waqt tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-konklużjonijiet tal-pariri legali maħruġa minn Caoilfhionn Gallagher u Tony Murphy.

Godfrey Farrugia stieden lill-Membri Parlamentari kollha ta’ rieda tajba biex jagħtu lill-pajjiż inkjesta pubblika verament indipendenti dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u li tissodisfa l-istandard “progressiv” li ngħatat fl-opinjoni legali. Sostna li l-partit tiegħu dejjem ried verità, ġustizzja u bidla għall-aħjar.

Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia qalet li l-gvern għadu jkaxkar saqajh quddiem l-isforzi tal-familja u tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali biex titwaqqaf din l-inkjesta pubblika.