Il-qtates qed ibiddlu ħajjithom

Il-qtates qed jgħaddu minn evoluzzjoni hekk kif qed jitbiddlu minn ‘kaċċaturi solitarji’ għal ‘annimali domestiċi’.
Studju li sar mill-Kulleġġ Veterinjarju Rjali Ingliż jgħid li l-qtates illum qed ibiddlu l-imġiba tagħhom sabiex jadattaw ruħhom għal ħajja mgħaġġla fil-bliet.
Għalhekk illum huma aktar disposti li jaqsmu t-territorju tagħhom ma’ qtates oħra, qed joqtlu inqas annimali oħra u qed jitgħallmu jikkomunikaw aħjar bejniethom.
Iżda kif inhija l-ħajja ta’ qattus?
 
Kuluri u Movimenti
Il-qtates jaraw numru limitat ta’ kuluri sabiex jaqbdu aħjar il-movimenti ta’ madwarhom mingħajr ma jtellifhom xejn. Barra minn hekk, għandhom għajnejn kbar biex jaraw tajjeb f’dawl baxx. Madankollu ma jistgħux jiffukaw fuq oġġett qrib li jkun sa pied ‘il bogħod minnhom.
 
Ġinnasti
Ħafna jiddeskrievu lill-qtates bħala ‘ġinnasti’ għax jirnexxielhom jixxabbtu u jitilgħu ma ċint wieqaf, u jekk jaqgħu mill-għoli, kapaċi jinżlu fuq saqajhom mal-art.
 
Widnejn kbar
Il-qtates għandhom widnejn kbar li jistgħu iċaqalqu b’mod indipendenti minn xulxin, u li jduru sa 180 grad. Huma jisimgħu ukoll żewġ ottavi aktar mill-bniedem.
 
Sens tax-xamm
Is-sens tax-xamm tal-qtates huwa mitt darba aħjar minn dak tal-bniedem u kapaċi jiddistingwi bejn eluf ta’ rwejjaħ differenti. Għandhom organu ieħor tax-xamm mas-saqaf ta’ ħalqhom, li jgħinhom ixommu l-irwejjaħ waqt li jieħdu n-nifs.