Il-qtates jimmanipulawk bil-mjaww tagħhom

Minn stħarriġ li għamlet il-Professoressa Danielle Gunn-Moore fl-Università ta’ Edinburgu fl-Iskozja irriżultalha li l-qtates jagħmlu mjaww  biss lill-bnedmin biex  jimitaw trabi tat-twelid u b’hekk jiġbdu l-attenzjoni tagħhom. Gunne-Moore hi waħda mill-aktar veterinarji magħrufa f’pajjiżha u li tgħid li għandna nisimgħu aħjar l-annimali domestiċi tagħna.

Hija qalet li fis-selvaġġ il-qtates isejħu lil ommhom bl-għajjat biex meta jsibu ruħhom fl-inkwiet imorru jsibuhom u jsalvawhom. Imma dawn mhumiex it-tip ta’ mjaww tal-qtates tal-lum meta jkunu qrib il-bnedmin.

Il-qtates tgħallmu matul il-millenji li jekk jagħmlu ħoss  bħal ta’ tarbija tat-twelid dan huwa mod tajjeb kif jiġbdu  l-attenzjoni ta’ dak li jkun, kemm jekk iħobbhom kif ukoll jekk le.

Gunne-Moore tgħid ukoll li l-qtates għandhom aktar minn mod wieħed biex jgħajtu l-mjaww tagħhom, jiddependi skont is-sitwazzjoni li jkunu fiha, kemm jekk ikunu jridu jieklu kif ukoll meta jkunu muġugħa.

Fl-aħħar mill-aħħar hu ċert li l-qtates  saru jafu kif jimmanipulaw lill-bnedmin!