Il-Qriema l-iktar li jagħtu d-demm

Mir-riċerka li għamel Karl Micallef għat-teżi tiegħu dwar id-donazzjonijiet tad-demm skont il-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, ħareġ li l-Qriema huma l-iktar li jagħtu d-demm, u jirrappreżentaw 10.6% tal-boroż kollha li nġabru f’perjodu partikolari.  Warajhom hemm il-Mostin, il-Karkariżi, iż-Żabbarin u n-Naxxarin. 

Ir-riċerka ta’ Karl, ippreżentata lill-Fakultà tal-Ġeografija fl-Università ta’ , kienet ibbażata fuq donazzjonijiet tad-demm li saru f’Lulju, Awwissu u Settembru 2011 fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa. 

F’dawn it-tliet xhur kien hemm 4,844 donazzjoni, 28% tal-boroż kollha tad-demm li ngħataw fl-2011. Bejn Lulju u Settembru 2011 kien hemm 3,1332 raġel li taw id-demm.  Nisa taw 1,717-il darba.

Ħal Safi, il-Furjana, Ta’ Xbiex, l-Isla u l-Imdina taw l-inqas demm, biċ-Ċentru tad-Demm irreġistra 3 boroż biss mill-Imdina.  L-inqas li taw d-demm huma ta’ bejn is-17 u l-24 sena u l-iktar huma n-nies li għandhom bejn il-35 u l-54 sena.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-popolazzjoni tal-ibliet u l-irħula skont kemm hemm nies li jistgħu jagħtu d-demm, Ħal Qormi xorta hi l-iktar lokalità li tagħti demm.  Imbagħad hemm Ħad-Dingli, is-Siġġiewi, l-Imġarr u l-Ħamrun.
B’kuntrast, l-inqas rata ta’ nies li jistgħu jagħtu d-demm hi f’Marsaxlokk, Ħal Kirkop, il-Qrendi, l-Isla u Bormla.  Irriżulta wkoll li d-dħul finanzjarju u l-livell ta’ edukazzjoni jaffettwaw l-importanza tal-għoti tad-demm. 

Minħabba li fir-riċerka spikka n-numru u r-rata ta’ donaturi minn Ħal Qormi, Karl iffoka parti mill-istudju tiegħu fuq din il-lokalità.  Minn intervista li għamel mal-Viċi Sindku Jesmond Aquilina ħareġ li l-Qriema huma ġenerużi, iżommu impenn u huma magħquda bejniethom.

Skont rapport taċ-Ċentru tad-Demm, il-medja kuljum ta’ donazzjonijiet ta’ demm f’Għawdex hi ta’ 4 boroż waqt li fi Gwardamanġa hi ta’ 34 borża kuljum.  Karl Micallef qed jissuġġerixxi li kull sena għandha ssir analiżi dwar id-donazzjonijiet tad-demm u anke tinżamm informazzjoni dwar it-tibdil li jsiru.  

Kull min għandu bejn 17 u 68 sena jista’ jmur jagħti d-demm iċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm jew l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.