“Il-qrati żbaljaw meta bagħtu ħabsin Monte Karmeli” – Il-Maġistrat Mifsud

Il-Maġistrat Joe Mifsud irrifjuta li jirrakkomanda li persuna arrestata tinżamm fl-Isptar Monte Karmeli, għaliex qal li dan il-metodu huwa illegali, u li l-Qorti kienet żbaljata kull darba li bagħtet lin-nies hemmhekk mill-1998 ‘l hawn.

Dan intqal illum fis-smigħ tal-każ ta’ Qormi ta’ 39 sena li tressaq il-qorti akkużat bi traffikar tad-droga. Huwa akkużat ukoll bil-pussess aggravat tal-kokaina u l-eroina, barra milli għat-traffikar ta’ dawn id-drogi. Huwa kiser sentenza sospiża u kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatalu 3 darbiet separati.

7 arrestati f’garaxx minħabba d-droga

Dan l-akkużat instab f’rejd li wettqu l-pulizija f’garaxx din il-ġimgħa. Fil-garaxx sabu sustanzi li ssuspettaw li huma eroina u kokaina, u anke miżien. L-Ispettur Frank Anthony Tabone qal li l-garaxx kien armat qisu ħanut tad-drogi. Il-pulizija għandhom ukoll filmati tal-akkużat ibigħ u jieħu l-flus għad-drogi.

L-akkużat wieġeb mhux ħati imma qal li mhuwiex se jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Huwa talab lill-Qorti tirrakkomanda li r-raġel jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli, kif isir normalment b’ħabsin vulnerabbli.

Il-Maġistrat irrifjuta li jagħmel din ir-rakkomandazzjoni, u qal li t-Taqsima Forensika mhijiex rikonoxxuta mil-liġi bħala ħabs. Huwa ġibed l-attenzjoni għall-avviż legali li jindika liema postijiet jistgħu jintużaw bħala ħabs, u Monte Karmeli mhuwiex wieħed minnhom. Il-Maġistrat Mifsud insista li l-qrati ilhom jibagħtu lin-nies hemm mill-1998, u kienu żbaljati li għamlu dan.

L-avviż li rrefera għalih il-Maġistrat, il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 260.02 ma jinkludix it-Taqsima Forensika ta’ Monte Karmeli, imma jsemmi dak li kien hemm qabel din it-taqsima, Sala 10, li ilha magħluqa mill-1998. Il-Maġistrat qal li l-avviż ma ġiex emendat biex jinkludi t-Taqsima Forensika. Huwa ordna li dan jiġi komunikat lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati, lill-Avukat Ġenerali, lill-Ministru għall-Intern u l-Ministru għall-Ġustizzja.