Il-Qrati Maltin jistgħu jiffriżaw kontijiet f’pajjiżi tal-UE

Permezz ta’ Avviż Legali ġdid, il-Qrati Maltin se jkunu jistgħu jiffriżaw kontijiet bankarji ta’ debituri f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea (UE).
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li permezz tal-avviż legali qed jiġi assigurat li Malta tkun konformi u timplimenta r-regolamenti tal-UE.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li huwa d-dmir tal-Gvern li jsaħħaħ u jiffaċilità l-proċess ġudizzjarju Malti, biex finalment jibbenefika ċ-ċittadin.
Skont il-Ministru, dan il-proċess il-ġdid se jipproteġi lill-kreditur billi jassigura li jiġu evitati trasferimenti jew irtirar ta’ fondi min-naħa tad-debitur.
Il-Ministeru ħabbar ukoll li Avviż Legali ieħor li ġie implimentat jipprovdi li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun intitolat li jirkupra l-ispejjeż li jkun daħal fihom minħabba l-imsemmija esekuzzjoni tal-Ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet.