“Tonqos il-fiduċja fil-qrati Maltin, tiżdied l-effiċjenza” – KE

Skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sistemi tal-ġustizzji Ewropej il-Justice Score Board 2018, il-qrati Maltin huma l-ewwel fejn tidħol effiċjenza fil-każijiet solvuti iżda qed tonqos il-fiduċja fl-indipendenza tal-qrati. 
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li s-sistema tal-ġustizzja f’Malta kisbet l-ewwel post fl-Unjoni Ewropea bir-rata li biha jiġu solvuti każijiet ċivili, kummerċjali u amministrattivi meta mqabbla ma’ kemm jinfetħu.
Madankollu mill-istess eżerċizzju, joħroġ ukoll li l-Maltin huma l-inqas fost l-Ewropej kollha li jiftħu każijiet fl-Qorti b’persentaġġ ta’ 2%. 
Min-naħa l-oħra,  fejn jidħlu l-perċezzjonijiet li jwasslu lill-intrapriżi Maltin ikollhom nuqqas ta’ indipendenza fil-qrati, l-aktar risposti komuni huma l-indħil ta’ interessi kummerċjali u l-pressjonijiet mill-gvern u politiċi. 
Fuq l-istess tema, il-Justice Scoreboard 2018 juri tnaqqis, sena wara sena, fil-grad ta’ fiduċja tal-intrapriżi Maltin fl-indipendenza tal-ġudikatura. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja jkompli jiżdied sena wara l-oħra mill-2010 ‘l quddiem. 
B’reazzjoni għal dan, il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli jagħmel iktar biex tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-awtonomija tal-imħallfin u l-maġistrati Maltin. 
Żied jgħid li qed jinnota b’sodisfazzjon li wara r-riformi kostituzzjonali fil-mod ta’ kif jinħatru l-ġudikanti, Malta issa hija fost il-pajjiżi fejn il-ġudikanti Maltin jinħatru wara parir ta’ organu indipendenti u awtonomu. 
F’dan l-istħarriġ, Malta ma tantx marret tajjeb fejn jidħol it-tul ta’ żmien li jieħdu l-kawżi individwali biex jinqatgħu fil-qrati Maltin.