“Il-Qrati jistgħu jirrevedu d-deċiżjonijiet tal-Ispeaker”

Il-Qrati għandhom id-dritt biex jirrevedu kemm id-deċiżjonijiet tal-Ispeaker tal-Parlament kif ukoll il-linji gwidi li jgħaddu mill-Kumitati Parlamentari.
Dan ġie ddikjarat mill-Imħallef Anna Felcie waqt is-smigħ tal-kawża kostituzzjonali mressqa mill-Eks-Chairman tal-Enemalta Tancred Tabone, kontra l-Ispeaker tal-Parlament u ċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Tabone, l-Eks Chairman tal-Enemalta qed jiġi akkużat b’korruzzjoni,frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt.
Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi beda jiddiskuti r-rapport li sar mill-Awditur Ġenerali dwar il-każ u sejjaħ lil Tabone biex jixhed.
F’dan l-isfond Tabone fetaħ il-kawża kostituzzjonali fejn talab lill-Qorti tiddeċiedi li jekk jiġi mġiegħel jixhed quddiem il-Kumitat ikunu qed jinkisrulu d-drittijiet tiegħu.
Dan wara li l-Ispeaker kien ta ruling biex Tabone jidher quddiem il-Kumitat u jekk ikun hemm dubju dwar liema mistoqsijiet jwieġeb jew le, jitolbu d-direzzjoni tiegħu.
Fil-Qorti Tabone qal li r-rulling ukoll kienet qed tiksirlu d-drittijiet tiegħu.
Min-naħa tiegħu l-Ispeaker qal li  l-Qorti Kostituzzjonali m’għandhiex ġurisdizzjoni li tiddikjara deċiżjoni tal-Ispeaker bħala nulla.
Żied jgħid li m’hemmx skop jew ħsieb li persuna tkun imġegħla tirrispondi mistoqsijiet li setgħu jinkriminawha.
Il-Qorti ċaħdet l-argument tal-Ispeaker u qalet li l-Kostituzzjoni tagħti lill-Parlament id-dritt li jirregola l-proċeduri tiegħu imma għamlitha ċara li dan id-dritt “m’huwiex wieħed assolut imma huwa dritt mogħti mill-Kostituzzjoni u limitat bl-istess Kostituzzjoni”.
L-Imħallef Felice ordnat li l-kawża tkompli tinstema’.