Il-qraba tar-residenti ta’ San Vinċenz dalwaqt jistgħu jidħlu fir-residenza

Bħalissa għaddejja ħidma li waslet fi stat avvanzat sabiex il-qraba tar-residenti ta’ San Vinċenz de Paul jibdew jitħallew jidħlu fir-residenza biex iżuru l-qraba tagħhom.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Kap Eżekuttiv tar-residenza Josianne Cutajar.

Bħalissa qed tintuża sistema ta’ shuttle service sabiex ikun jista’ jsir screening u jittieħdu d-dettalji ta’ kull viżitatur li jidħol fir-residenza. Il-qraba mhux qed jitħallew jidħlu jipparkjaw fil-parkeġġi fuq ġewwa tar-residenza. Intant, biex jiltaqgħu mal-anzjani tagħhom, il-qraba jridu jagħmlu dan minn wara l-bibien f’punti differenti tar-residenza u jitkellmu minn wara fetħa fil-bieb mgħottija b’perspex biex il-vuċi tkun tista’ tgħaddi faċilment u tkun tista’ ssir komunikazzjoni aħjar.

Newsbook.com.mt staqsa dwar meta se jkun possibbli li l-pubbliku jitħalla jidħol fir-residenza u jiltaqa’ mal-anzjani tiegħu. Filwaqt li ma tatx data eżatta għal dan, Cutajar qalet li l-ħidma biex dan ikun possibbli tinsab fi stadju avvanzat ħafna. Qalet li l-qraba se jibdew jiħallew jagħmlu dan dalwaqt.

Kif inhi s-sistema kurrenti taż-żjarat?

Nhar it-Tnejn 25 ta’ Mejju, l-amministrazzjoni tal-faċilità għall-kura fit-tul kienet introduċiet is-servizz taż-żjarat tal-qraba lir-residenti tagħhom wara perjodu fejn dan ma kienx permess isir. L-amministrazzjoni stabilixxiet “visiting points” bil-qraba jkunu ggwidati għal punt fejn kien se jkun hemm ir-resident jistennihom biex jiltaqa’ magħhom. F’San Vinċenz de Paul jgħixu 1,100 resident li huma mqassma fi 30 sala.

Minn dakinhar, il-qraba kellhom iċemplu fuq 22912373 biex jingħataw appuntament għaż-żjara. Huma kellhom jagħmlu dan sa minimum ta’ jumejn qabel iż-żjara. It-tul taż-żjarat huwa ta’ kwarta u jista’ jsir minn wara perspex. Ir-residenti ma setgħux ikollhom aktar minn erba’ viżitaturi fl-istess ħin.

Il-viżitaturi jridu jipparkjaw barra r-residenza, imbagħad jirreġistraw skont l-appuntament skedat. Huma jridu jippreżentaw il-karta tal-identità u wara jgħaddu minn screening. Huma mbagħad jitwasslu fil-punt taż-żjara tagħhom permezz ta’ servizz ta’ trasport shuttle. Il-viżitaturi jintalbu jilbsu maskra jew visor qabel jidħlu mill-entratura prinċipali, liema lbies mhux permess li jitneħħa dment li l-qarib ikun fuq l-art tar-residenza.

Il-coronavirus firdet lill-qraba u lill-anzjani għal perjodu sostanzjali

Għal perjodu ta’ żmien, il-pubbliku ma setax iżur lill-anzjani tiegħu fir-residenza lanqas b’dan il-mod. Lura fit-12 ta’ Marzu, fid-dawl tal-iżviluppi fit-tifrix ta’ Covid-19, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, kienu ħabbru li bħala prevenzjoni, b’effett immedjat, u b’mod temporanju kienu se jitwaqqfu ż-żjarat kollha fid-djar tal-anzjani. Dawn kienu jinkludu dawk tal-gvern, dawk tal-knisja, dawk privati u r-residenza ta’ San Vinċenz De Paul.

Matul dan il-perjodu, kienu qed jitħallew jidħlu biss dawk il-persuni li jirrakkomandaw in-nursing officers, it-tabib jew il-kap tad-dar residenzjali stess. Din l-għażla kienet tiġi ddeterminata abbażi tal-kundizzjoni tar-resident, liema kundizzjoni gravi tkun tiġġustifika t-tali eċċezzjoni.

Dan il-perjodu wassal ukoll għad-dħul ta’ sistema ġdida sabiex il-kuntatt bejn l-anzjani u l-qraba tagħhom ma jinqatax kompletament. Il-qraba setgħu jagħmlu kuntatt mal-anzjani tagħhom permezz ta’ sistema ta’ telefonati bil-filmat permezz ta’ Facebook.