Il-qraba tal-anzjana jserrħu moħħ in-nies dwar Mater Dei – il-Gvern

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa, il-Gvern qal li saret laqgħa mal-qraba tal-anzjana li dwarha l-Partit Nazzjonalista għamel konferenza tal-aħbarijiet din il-ġimgħa.
Il-Gvern qal li skont il-qraba tal-anzjana ta’ 83 sena, li mietet jumejn ilu fl-Isptar Mater Dei, il-ħaddiema tal-isptar għamlu dak kollu possibbli magħha.
Qal ukoll li l-istess qraba riedu jserrħu moħħ in-nies li l-isptar għandu l-apparat kollu meħtieġ biex isalva ħajjet in-nies, u li fl-aħħar mumenti tal-anzjana kien hemm qariba tagħha magħha li setgħet tixhed l-isforz qawwi li sar mill-ħaddiema bl-apparat kollu meħtieġ biex tiġi salvata ħajjitha.
Il-Gvern qal li l-laqgħa ma’ Chris Fearne saret wara li l-qraba tal-anzjana kienu nkwetati ferm dwar kif l-aħbar ġiet rappurtata b’mod skorrett mingħajr il-kunsens tagħhom u kif il-ġrajja ntużat bħala ballun politiku.
Qal ukoll li tul il-laqgħa, il-qraba tal-anzjana urew ir-ringrazzjament u l-apprezzament tagħhom lejn il-ħaddiema ta’ Mater Dei.