Il-qraba jistgħu jagħtu rigal ta’ Jum l-Omm lill-anzjani fid-djar residenzjali

Il-qraba se jkunu jistgħu jieħdu rigal għal Jum l-Omm lill-għeżież tagħhom li jinsabu fid-djar tal-anzjani jew tal-persuni b’diżabilità.

Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva. Tħabbar li fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, il-qraba li għandhom ommijiethom jgħixu f’dar tal-anzjani, inkluż ir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul u wkoll fid-djar tal-persuni b’diżabilità jistgħu jeħdulhom rigal.

Kien spjegat li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ċirkolari għas-sidien tad-djar tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità. F’din iċ-ċirkolari l-Awtorità rrakkomandat lis-sidien sabiex jinfurmaw lir-residenti u lil qrabathom sabiex dawn ir-rigali jaslu fir-residenza sa mhux aktar tard mill-Erbgħa, 6 ta’ Mejju waranofsinhar. Din il-miżura qed issir sabiex jiġi żgurat li dawn ir-rigali jinżammu f’post sigur għall-perjodu indikat mill-awtoritajiet sabiex b’hekk tiġi eliminata t-trażmissjoni tal-coronavirus.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis qal li l-okkażjoni ta’ Jum l-Omm hi festa għażiża għal ħafna u għalhekk permezz ta’ din l-inizjattiva l-qraba jistgħu jferrħu lill-għeżież tagħhom f’dan il-mument tant iebes. Barra minn hekk is-Segretarjat assigura li l-Kumitat tal-Welfare jagħti rigali lin-nisa kollha li jinsabu fid-djar tal-anzjani tal-gvern u f’dawk id-djar fejn hemm arranġamenti ta’ public-private partnership kif ukoll djar fejn il-gvern jixtri s-sodod.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn