Il-Qorti twissi lill-Fulu minħabba disprezz lejn il-Qorti

L-Imħallef Lorraine Schembri Orland ordnat lill-Avukat William Cuschieri biex jagħti spjegazzjoni lill-Qorti għalfejn ma wieġibx għall-ijmejls li ntbgħatulu mill-Qorti stess. Cuschieri qed jidher bħala avukat tad-difiża għal Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-fulu”, wieħed mit-tliet akkużati fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fid-digriet li nħareġ illum mill-Imħallef, hi fakkret li l-Qorti tista’ tieħu azzjoni kontra Cuschieri f’nuqqas ta’ spjegazzjoni dan wara naqas li jwieġeb għall-ijmejl fejn intalab jikkonferma d-data għas-seduta sekdata għall- video conference kif ukoll jikkonferma l-attendenza tiegħu għas-seduta tal-5 t’Ottubru. Waqt il-video conference kellha tittieħed ix-xhieda tal-aġenti tal-FBI, filwaqt li kellhom isiru l-ħlasijiet dovuti għal din is-seduta.

L-Imħallef tatu wkoll jumejn biex jiddikjara għadux interessat fl-FBI jixhdu f’din il-kawża. F’każ li jonqos, se jkun qed jitqies bħala rinunzja minn naħa ta’ Degiorgio. Dan wara li l-Qorti kkommunikat ma’ Cuschieri u talbitu biex jikkonferma d-data għas-seduta skedata għall-video conference kif ukoll meta talbet biex jikkonferma l-attendenza tiegħu għas-seduta tal-5 ta’ Ottubru.

Degiorgio kien beda proċeduri Kostituzzjonali wara li ħass lid-drittijiet tiegħu ġew miksura. Fost affarijiet oħra, l-avukat ta’ Degiorgio kien qal li d-deċiżjoni li ttieħdet biex l-FBI jixhdu kienet saret qabel ma għalaq iż-żmien fejn huwa setgħa jappella.

Ir-rikors kostituzzjonali kien sar minn Degiorgio fil-konfront tal-Avukat Ġenerali u qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Lorraine Schembri Orland.