​Il-Qorti twaqqaf l-elezzjoni fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl

Il-Qorti Ċivili approvat talba mill-Partit Nazzjonalista biex jitwaqqfu l-elezzjonijiet tas-Sindku u Viċi-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar wara r-riżenja ta’ dawk li kienu jokkupaw dawn il-karigi.
Wara li l-Kunsill kien se jkun qed jivvota għal Sindku u Viċi-Sindku ġdid, il-Partit Nazzjonalista ressaq mandat ta’ inibizzjoni kontra dawn l-elezzjonijiet. L-argument tal-PN kien li dawn il-karigi għandhom jiġu okkupati minn rappreżentattivi tal-istess partit li kellu l-iżjed ammont ta’ kandidati li ġew eletti.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Governanza Lokali u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali qalu li l-elezzjoni kienet se tkun konformi mal-liġi.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joseph Zammit McKeon qal li kien hemm biżżejjed evidenza biex jilqa’ t-talba tal-PN.
Graziella Galea kienet irriżenjat bħala Sindku ta’ San Pawl f’Jannar. Kienet qalet li qed tagħmel dan il-pass kontra qalba biex “ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibegħda u l-kilba għall-poter ta’ xi wħud li ma aċċettawx  ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali” li bih ġiet eletta Sindku.
Nuqqas ta' azzjoni minn Delia – PL
F'reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal li "n-nuqqas ta’ azzjoni u tmexxija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, tefgħet il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fi sqaq". Skont il-PL, il-PN issa tilef il-maġġoranza fil-Kunsill. Il-PL kompla jgħid li l-PN għandu joffri soluzzjoni biex jassiguraw li l-maġġoranza taħdem.