Aġġornata: Sea-Eye tiftaħ protest il-Qorti biex persuni abbord l-Alan Kurdi jinżlu Malta

Sea-Eye

Read in English.

L-għaqda li ssalva lin-nies mill-baħar Sea-Eye fetħet protest ġudizzjarju li fih qed issejjaħ lill-Prim Ministru l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex jikkordinaw l-inżul fuq l-art ta’ grupp ta’ immigranti salvati mill-baħar mill-bastiment Alan Kurdi l-ġimgħa l-oħra.

L-immgranti ntlemħu fuq dgħajsa li kienet qed tgħereq fil-31 ta’ Awwissu. Il-voluntiera ddeċidew li jsalvaw lill-immigranti.

Peress li dan kollu ġara fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta, il-kaptan tal-Alan Kurdi għamel kuntatt mal-awtoritajiet Maltin. Dawn qalulu li peress li d-dgħajsa kienet sejra lejn Lampedusa, il-ħidma ma setgħetx titqis bħala waħda ta’ salvataġġ imma trasferiment ta’ 13-il persuna minn bastiment għal ieħor. Qalu lill-kaptan biex ma jtellax lill-immigranti abbord il-vapur tiegħu, ordni li ma segwiex.

L-Alan Kurdi ma tħalliex jidħol Malta.

Il-bastiment qal li s-sitwazzjoni abbord il-vapur sejra għall-agħar. Żewġ persuni diġa ġew trasferiti lejn Malta filwaqt li tlieta oħra ġew trasferiti lejn Malta llum.

“Il-Qorti trid tiddeċiedi Malta hix responsabbli tal-immigranti salvati fiż-żona ta’ Malta” – Sea-Eye

Aktar kmieni l-għaqda mhux governattiva Sea-Eye ħabbret li se tressaq ilment quddiem il-Qorti ta’ Malta biex legalment tiddetermina iż-żona tat-tfittxija u salvataġġ ta’ Malta. Dan għaliex ilbieraħ, iċ-ċentru ta’ ko-ordinament marittimu tal-Forzi Armati ta’ Malta l-ewwel aċċetta li jieħu 13–il persuna li ġew salvati mill-għarqa, u ftit sigħat wara ċaħad l-istess talba ta’ għajnuna.

Fuq Twitter, l-għaqda appellat lill-Prim Ministru biex ma jużax ir-responsabbiltà tiegħu bħala swiċċ tad-dawl jixgħel u jitfi skont kif jaqbillu.

Aqra: Sea-Eye tappella lill-PM biex ma jużax ir-responsabilità bħal swiċċ tad-dawl

Fl-istqarrija, Sea-Eye sostniet li Malta għal ħamest ijiem irrifjutat li tieħu r-responsabbiltà għal ko-ordinazzjoni tal-operazzjoni ta’ salvataġġ, għalkemm sostniet li ċ-ċentru ta’ ko-ordinament marittimu ta’ Malta ma rrifjutax il-fatt li l-avveniment kien qed iseħħ fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ Malta.

Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li lbieraħ ddaħħlu żewġ immigranti Malta minn fuq il-vapur Alan Kurdi. Dan għaliex, skont l-istqarrija mingħand Sea-Eye, iż-żewġ minuri kienu qiegħdin f’riskju ta’ suwiċidju. Il-mexxej tal-operazzjoni spjega li kellhom jitwaqqfu milli jaqbżu fil-baħar biex jippruvaw jgħumu sax-xatt.

Aqra: 2 immigranti jiddaħħlu Malta minħabba bżonn ta’ assistenza medika