Il-Qorti tordna trattament mediku għal mara li nżammet taħt arrest

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti ordnat li mara li nżammet taħt arrest wara li kienet akkużata li aggrediet żewġ persuni b’sikkina, għandha tingħata trattament mediku kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll għal dik mentali.

Mona Ibrahim Mahmud ta’ 36 sena, tressqet il-Qorti llum akkużata li aggrediet żewġ Maltin fil-Marsa. L-inċident seħħ ilbieraħ fil-12.15pm fi Triq il-Farfett u Triq Stiefnu Zerafa fil-Marsa. Il-mara qalet li kienet fil-ħanut tagħha meta żewġ Maltin li kienu jgħixu fl-istess triq daħlu fil-ħanut u aggredewha. Il-pulizija qalu li l-mara użat sikkina waqt l-argument.

Meta l-Qorti staqsiet fejn tgħix il-mara, l-informazzjoni li pprovdiet l-akkużata u d-dettalji tal-karta tal-identità ma kinux jaqblu. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-fatt li l-informazzjoni pprovduta ma taqbilx hija minnha nnifisha kriminalità.

L-akkużata qalet li hi tgħix Marsalforn Għawdex imma l-prosekuzzjoni infurmat lill-qorti li l-mara kienet qed tgħix fil-ħanut tagħha fil-Marsa u ma kellhiex liċenzja biex topera dan il-ħanut. Il-Qorti kkonkludiet li l-mara kienet aggredita għax kienet qed tipprovdi favuri sesswali għall-flus u l-ġirien ma approvawx dan ix-xogħol. Il-mara ddeskriviet l-irġiel fil-ħanut tagħha bħala bodyguards.

L-avukat tad-difiża qal li l-mara ma tistax tirritorna l-Marsa għax hemm riskju li terġa’ tispiċċa aggredita mill-ġirien tagħha. Il-mara kienet ordnata ma tersaqx lura lejn il-Marsa u ssib residenza alternattiva. Minħabba li dan ma kienx possibbli, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrifjutat il-ħelsien mill-arrest.

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-mara nstemgħet tgħajjat li riedet lit-tfal tagħha li kienu qed jinżammu fil-kustodja tal-Appoġġ. Il-Qorti ordnat lid-direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jipprovdi s-sapport neċessarju biex il-mara tinżamm f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa mentali u fiżika. Il-Qorti rrikonoxxiet li l-mara kienet għaddejja minn żmien diffiċli għax ma setgħetx tara lit-tfal tagħha.