Il-Qorti tordna t-twaqqif tas-sensji kollettivi mill-kumpanija NetEnt

Facebook

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet talba għal mandat ta’ inibizzjoni kontra kumpanija ta’ €2 Biljuni fil-qasam tal-gaming f’Malta, in-NetEnt. B’dan il-mandat il-Qorti żammitha milli tibqa’ għaddejja b’sensji kollettivi.

Ħabbret dan fi stqarrija, il-General Workers Union li aktar kmieni dan ix-xahar iddikjarat tilwima industrijali ma’ NetEnt u Evolution Gaming Group wara li tkeċċew mijiet ta’ ħaddiema minn NetEnt wara li din il-kumpanija nxtrat minn Evolution Gaming.

Aktar kmien llum, il-GWU, li tirrapreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ NetEnt f’Malta, ippreżentat talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni biex iżżomm lill-kumpanija milli tagħti s-sensji u milli ttemm xi impjiegi.

Il-union ilmentat li NetEnt ma tagħthiex notifika tas-sensji kollettivi u ma kkonsultatx magħha skont il-liġi Ewropea u Maltija li hi maħsuba biex tipproteġi l-impjiegi fil-kuntest ta’ sensji kollettivi. Hija akkużat ukoll lill-kumpanija u lis-sidien il-ġodda, Evolution Gaming, li kisru l-liġi Ewropea dwar it-trasferiment tan-negozju.

Il-GWU ilmentat ukoll dwar it-tattiċi kontra l-GWU li qed jużaw NetEnt u Evolution Gaming u qalet li dawn it-tattiċi qed jintużaw biex ma sseħħx konsultazzjoni effettiva f’isem l-impjegati f’dan il-mument kritiku ta’ sensji, imħabbra lejliet il-Milied.

Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti, il-union argumentat li l-kumpanija kienet innegozjat pakkett ta’ tmiem l-impjieg ma’ “rappreżentant tal-ħaddiema” li ma kienx ta każ tal-ilmenti tal-ħaddiema li suppost kien qed jirrapreżenta. Hija qalet li dan l-hekk imsejjaħ rappreżentant inħatar mill-kumpanija stess bi ksur tar-regolamenti dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, il-kumpanija rrifjutat li tikkonsulta lill-GWU, li tirrapreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema lokali ta’ NetEnt.

Kelliem għall-GWU qal li bl-intervent tal-Qorti wara r-rikors, 324 sensja illegali issa ġew imwaqqfin.

L-aħbar tal-bejgħ tal-kumpanija NetEnt u tas-sensji kollettivi kien komunikat lill-ħaddiema lokali l-ġimgħa l-oħra. Bosta ħaddiema kienu maħsuda u diżappuntati hekk kif dakinhar tal-aħbar, is-sidien il-ġodda skortaw lill-ħaddiema ‘l barra mill-post tax-xogħol.

Il-Qorti mistennija tisma’ lill-partijiet f’seduta li se tinżamm fis-17 ta’ Diċembru.