Il-Qorti tordna lill-Pulizija tinvestiga min żvela l-iffriżar tal-assi ta’ Schembri

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Imħallef Edwina Grima ordnat lill-Pulizija tinvestiga l-iżvelar tad-digriet li ħarġet ilbieraħ li bih ġew friżati l-assi ta’ Keith Schembri u ta’ Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT. L-aħbar dwar dan id-digriet ixxandret fuq diversi mezzi tax-xandir ilbieraħ.

Skont il-liġi, it-tixrid ta’ dan id-digriet huwa illegali. Il-Qorti infurmat lill-Istitut Ġurnalisti Maltin bid-deċiżjoni tagħha li tinvestiga kif ġiet żvelata l-aħbar ta’ dan id-digriet. L-Imħallef Grima kienet qiegħda timxi mal-ordnijiet tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li ressqet rikors il-qorti llum.

Minħabba l-fatt li d-digriet ġie ppubblikat fl-intier tiegħu fuq xi mezzi tax-xandir, l-Imħallef Edwina Grima hija mħassba li “jista’ jinħoloq preġudizzju serju fil-kors tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja billi b’hekk jistgħu jiġu mxekkla l-investigazzjonijiet tal-pulizija li jistgħu jwasslu sabiex jittieħdu proċeduri penali kontra l-persuni suspettati u soġġetti għal tali investigazzjoni.”

Fir-rikors tagħha, l-AĠ osservat kif Artikolu 4(6A) tal-Att tal-Ħasil tal-Flus jagħmilha offiża kriminali li wieħed jiżvela informazzjoni li taf tippreġudika l-effetti ta’ ordnijiet bħal dawn jew investigazzjoni fuq il-każ. Dawk li jinstabu ħatja jistgħu jaffaċċjaw sa sena priġunerija jew multa massima ta’ €11,646.

Il-Qorti spjegat li ma tistax titlob lill-ġurnalisti jiżvelaw is-sorsi tagħhom, iżda hija kkundannat il-fatt li d-digriet ġie żvelat fi stadju tant delikat tal-investigazzjonijiet.

Għalhekk, il-Qorti laqgħet it-talba tal-AĠ li tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga jekk sarx ksur tal-Att tal-Ħasil tal-Flus, u jekk hemmx ċans li xi persuni jaffaċċjaw proċeduri kriminali dwar dan.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-IĠM biex jinforma lill-ġurnalisti biex ‘il quddiem jimxu ma’ dak li ntqal fid-digriet maħruġ illum.