Il-Qorti tordna li l-assi li wiret Yorgen Fenech ma jibqgħux iffriżati

Il-Qorti tat aċċess lil Yorgen Fenech għall-miljuni ta’ flus li għandu fil-forma ta’ ishma u propjetà li wiret, peress li dawn mhumiex ġejjin mir-reat kriminali li huwa akkużat bih, jiġifieri bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Rapport tal-MaltaToday maħruġ illejla jikkwota digriet maħruġ mill-Maġistrat Rachel Montebello fit-18 ta’ Ġunju wara li saret talba mill-avukati ta’ Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

Membru mit-tim legali ta’ Fenech spjega lill-MaltaToday li l-intenzjoni tal-ordni li jiġu ffriżati l-assi hija li jinqabdu l-profitti li jkunu saru mir-reat, iżda l-każ li għandha l-Prosekuzzjoni kontra Fenech jindika li hu akkużat li ffinanzja dan ir-reat kriminali, u mhux li hu ggwadanja xi flus minnu.

Ġie spjegat li l-assi li Fenech wiret ġejjin minn qabel ma sar l-assassinju li huwa akkużat bih. It-talba tal-avukati li qed jirrappreżentaw lil Fenech kienet, skonthom, mhux biex l-ordni li jiġu ffriżati l-assi titneħħa, imma li din tiġi varjata.

Fenech hu rappreżentat mill-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca.

Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet din it-talba u ordnat li l-propjetà u l-ishma li għandu Fenech li kiseb permezz ta’ wirt m’għandhomx jibqgħu affettwati minn din l-ordni.

Bħalissa għaddejjin proċeduri fil-qorti kriminali fil-konfront ta’ Fenech, li minnhom din il-ġimgħa ħareġ illi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri sabiex jgħid lil Fenech biex ma jitlaqx mill-pajjiż. Fenech ġie arrestat f’Novembru tal-2019, hu u allegatament jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu.

Il-ġimgħa li għaddiet, ġie żvelat illi l-kumpanija ta’ Fenech 17 Black għamlet €4.6 miljun profitt mhux iddikjarat meta l-Enemalta xtrat il-wind farms f’Montenegro.