Il-Qorti tiddeċiedi kontra l-azzjoni industrijali tal-MUMN minħabba l-infermiera Għawdxin

Aġġornat 07:10 PM

Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Steward Health Care biex ma ssirx l-azzjoni industrijali mill-unjin tal-infermiera. L-unjin MUMN kienet se tieħu azzjoni għax ma riditx li Steward timpjega infermiera barranin biex jaħdmu Għawdex meta kien hemm infermiera Għawdxin jaħdmu Malta.

Fi stqarrija Steward qalet li tilqa’ d-deċiżjoni tal-Imħallef Toni Abela u ppubblikat id-deċiżjoni tiegħu li għandha d-data tal-lum.

Abela kkonkluda li Steward Malta ma setgħetx tagħmel dak li qed jintalab minnha għax it-trasferiment tal-infermiera Għawdxin ma kienx jiddependi minnha. Qal li huwa d-Dipartiment tas-Saħħa li seta’ jiddeċiedi dwar il-kwistjoni peress li l-infermiera Għawdxin huma impjegati tiegħu.

L-Imħallef innota li Steward m’għanda ebda problema li tassumi lill-infermiera Għawdxin u biex hi titrasferixxi lill-ħaddiema barranin lejn Malta.

Intqal li ċ-ċaqliq tal-infermiera jiddependi esklussivament mill-Ministeru għas-Saħħa u li dan seta’ jsir fil-25 ta’ Ġunju.

Il-Qorti kkonfermat l-ordni proviżorja tagħha tal-14 ta’ Ġunju u ħarġet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-unjin MUMN.

L-MUMN kienet infurmat lil Steward bl-azzjoni industrijali fit-12 ta’ Ġunju. Steward Malta Management Ltd għamlet ir-rikors fl-14 ta’ Ġunju. Ir-risposta tal-MUMN daħlet fit-23 ta’ Ġunju. Il-Qorti semgħet ix-xhieda kollha f’seduta fis-26 ta’ Ġunju.

10 infermiera niżlu Għawdex; l-infermiera barranin għadhom hemm – MUMN

Wara li ħarġet id-deċiżjoni tal-Qorti l-MUMN qalet li għaxar infermiera ġew trasferiti lejn Għawdex filwaqt li Steward Health Care għadha qed tħaddem l-infermiera barranin f’Għawdex sal-lum.

Fi stqarrija l-MUMN qalet li l-Qorti laqgħet it-talba ta’ Steward peress li t-transfers jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru.

Qalet li meta ħareġ il-mandat proviżorju għalkemm il-proċess tat-transferimenti kien beda dan ma kienx lest.

L-MUMN qalet li se tibqa’ tiġġieled biex qatt ma jkun hemm infermiera barranin jaħdmu Għawdex meta jkun hemm infermiera Għawdxin li għadhom qed jaħdmu Malta. Saħqet li mhux ħa żżomm lura milli terġa’ toħroġ direttivi dwar dan.