Il-Qorti tkompli tisma’ l-għexieren ta’ kawżi diferiti

Miguela Xuereb

Wara li l-Qorti kellha tgħalaq il-bibien tagħha kawża tal-pandemija tal-coronavirus u għexieren ta’ kawżi kienu diferiti, il-Qorti reġgħet bdiet tiffunzjona b’mod sħiħ mill-5 ta’ Ġunju.

Il-Qrati kienu ntalbu jingħalqu fis-16 ta’ Marzu. Ftit tal-jiem wara li kien feġġ l-ewwel każ tal-coronavirus fil-pajjiż. F’dak il-punt, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, flimkien mal-awtoritajiet tal-pajjiż kienu qed jaħdmu biex jaraw li kemm jista jkun ma jkunx hemm firxa qawwija fil-pajjiż, iżda din tkun ikkontrollata. Kien ordnat l-għeluq ta’ ristoranti, bars, gyms, skejjel, u postijiet oħrajn. Intant, min iħaddem intalab biex iħalli lill-impjegati tiegħu jaħdmu mid-dar.

Dan wassal għall-eventwalità li l-pajjiż ikollu rata baxxa ta’ każi ta’ coronavirus u b’hekk, fl-aħħar ġimgħat reġgħu bdew jiftħu n-negozji, il-Qrati u mill-1 ta’ Lulju saħansitra mistennija jinfetħu l-portijiet għal diversi pajjiżi mlaqqma bħala “safe corridors”.

Intant filwaqt li l-pubbliku qed jitħalla jidħol lura fil-Qorti, qed jintalab jagħmel dan billi jilbes maskra sabiex jipproteġi lilu nniffsu u lil ta’ madwaru. Intant fil-Qorti wieħed anke jista’ jsib u jagħmel użu minn sanitizers li tpoġġew f’postijiet differenti madwar il-binja.

Il-Qorti iżda qed iqassam il-kawżi tiegħu sabiex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm ħafna persuni preżenti fl-istess binja, fl-istess ħin. Skont l-aħħar ordnijiet tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-pubbliku ma jistax jiltaqa’ fi gruppi ta’ aktar minn 75 persuna.

F’notifika mibgħuta lbieraħ mill-Qorti, kien spjegat x’se jiġri mill-każi mmexxija mill-Maġistrati Astrid May Grima u Rachel Montebello.

Fejn jidħlu l-kawżi tal-Maġistrat Astrid May Grima fil-Qorti Kriminal tal-Familja, dawn se jibdew jinstemgħu skond ir-riferti li nħarġu minn wara l-21 ta’ Mejju 2020. Il-Qorti qalet li huwa importanti li l-ħinijiet indikati jinżammu sabiex ikun hemm biss fl-awla l-partijiet f’dik il-kawża li tkun qed tinstema’ u biex għalhekk lanqas ma jinġemgħu nies fil-kuritur quddiem l-awla tal-Qorti. Qalet ukoll li huwa importanti li l-ħin ikun utilizzat bl-aħjar mod possibbli fid-dawl tal-limitazzjonijiet ta’ ħin u spazju li l-Qorti hija kostretta li taħdem bihom.

Min-naħa l-oħra, il-każi tal-Maġistrat Rachel Montebello, kien spjegati li l-kawżi ċivili bin-numri 1, 2, 3, 9, 12, 16, 19 u 22 (cioé l-kawżi bir-Rikorsi Numri 83/18RM, 210/19RM, 269/19RM, 199/19RM, 236/19RM, 140/19RM, 362/17RM u 157/19RM) fuq il-lista ta’ nhar il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020 qed jiġu differiti għal nhar it-Tnejn 13 ta’ Lulju 2020 fl-istess ħin u għall-istess skop. Intant, il-kawżi l-oħra kollha bin-numri 4 sa 8, 10, 11, 13 sa 15, 17, 18, 20, 21, 23 u 24 fuq il-lista ta’ nhar il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020 se jinstemgħu dakinhar stess tat-18 ta’ Ġunju 2020 fil-ħin skedat oriġinarjament u għall-istess skop.

Intant, il-kumpilazzjonijiet fuq il-lista tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020 mmexxija mill-Maġistrat Montebello stess, qed ikunu diferiti għal nhar il-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2020 fl-istess ħin u għall-istess skop:

  • Il-Pulizija (Spettur Saviour Baldacchino) vs Paul Sheehan
  • Il-Pulizija (Spettur Roderick Attard) vs Peter Theuma et
  • Il-Pulizija (Spettur Paul Camilleri) vs Aaron Ritchie
  • Il-Pulizija (Spettur Roderick Agius) vs Judith Bakoush
  • Il-Pulizija (Spettur Eman Hayman) vs Rita Amos
  • Il-Pulizija (Spettur Elton Taliana) vs Stephen Zammit
  • Il-Pulizija (Spettur Godwin Scerri) vs Terrence Dennis McKenna
  • Il-Pulizija (Spettur Roderick Attard) vs Jonathan Camilleri
  • Il-Pulizija (Spettur Elton Taliana) vs Brian Spiteri