Il-Qorti titolbu juri evidenza fil-konfront tal-Imħallef Mizzi

L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien mitlub mill-Qorti biex jippreżenta provi li juru li n-nuqqas ta’ qbil biex l-Imħallef Antonio Mizzi jirrikuża ruħu mill-każ, imur kontra d-dritt għal smigħ xieraq.
L-Imħallef Antonio Mizzi ma kienx laqa’ t-talba ta’ Simon Busuttil biex jirrikuża ruħu mill-każ fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.
Fil-każ kostituzzjonali li nfetaħ minn Simon Busuttil kontra l-Avukat Ġenerali, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon talab biex fi żmien ġimgħa, Busuttil jippreżenta evidenza dokumentata li turi li jekk il-każ ta’ appell dwar il-Panama Papers jibqa’ ppresedut mill-Maġistrat Mizzi jaffettwa d-dritt għal smigħ xieraq.
Il-Qorti kienet iddeċidiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, flimkien ma’ Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT, Malcolm Scerri u Adrian Hillman, li kollha kemm huma ressqu l-appell, kellhom jingħaqdu mal-kawża li nfetħet minn Busuttil kontra l-Avukat Ġenerali.
Dawn l-appelli kienu nfetħu wara li l-Maġistrat Ian Farrugia kien ikkonkluda li hemm biżżejjed pre-rekwiżiti biex tinfetaħ inkjesta li kellha tistabbilixxi jekk il-liġijiet ta’ ħasil tal-flus kinux inkisru minn uffiċjali tal-Gvern meta nfetħu kumpaniji offshore.
Fis-seduta tal-lum, Adrian Hillman biss kien preżenti minn dawn imsemmija, bil-bqija kienu rrappreżentati mill-avukati tagħhom.
L-avukat tal-Prim Ministru Pawlu Lia argumenta li Simon Busuttil ma rnexxilux "jidħol mill-bieb jew mit-tieqa" u issa kien qed jirrikorri biex jgħaddi mill-qorti.
L-Imħallef qal li mhux se jittollera d-dewmien bla bżonn bejn il-partijiet u għalhekk sostna li l-Qorti se tieħu kontroll fuq il-proċedimenti.
Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.