Il-Qorti tirtira l-permess biex l-eks avukat Spiteri jaħdem barra

Il-Qorti tal-Appell irtirat il-permess li ngħata l-eks avukat Patrick Spiteri biex ikun jista’ jsiefer fuq xogħol.

Illum, avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li hemm riskju li Spiteri jaħrab jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-avukat ta’ Spiteri qal li l-klijent tiegħu lanqas seta’ jaħdem bħala xufier tal-linja.

Il-Qorti ma kinetx konvinta li Spiteri jerġa’ lura Malta jekk jitħalla jsiefer.

Il-Qorti qablet mat-talba tal-Avukat Ġenerali u b’hekk Spiteri mhux se jkun jista’ jsiefer.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Patrick Spiteri li kienet tneħħietlu l-warrant ta’ avukat, ingħatalu permess speċjali biex isiefer fuq xogħol wara li rċieva offerta. L-eks avukat tat-taxxa li għandu 55 sena qal lill-qorti li r-reputazzjoni tiegħu f’Malta ġiet imħammġa tant li ma jistax jaħdem u għalhekk din l-offerta mill-Ingilterra kienet l-unika opportunità għalih li jsib xogħol.

L-eks avukat Patrick Spiteri jingħata permess speċjali biex isiefer fuq xogħol