Il-Qorti tirrifjuta t-talba tal-aħwa Degiorgio biex jiltaqgħu ma’ Casa u Gomes

Read in English.

Il-Qorti rrifjutat it-talba tal-aħwa Degiorgio, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex jiltaqgħu mal-Membri Parlamentari David Casa u Ana Gomes.

L-aħwa talbu din il-laqgħa nhar il-Ħamis li għadda waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħhom u ta’ Vincent Muscat għall-assassinju tal-ġurnalista f’Ottubru tal-2017. Huma talbu li l-Qorti tawtorizza din il-laqgħa fil-preżenza tal-midja barranija, u dan wassal għal oġġezzjonijiet min-naħa tal-Prosekuzzjoni u tal-avukati parte civile għal din it-talba “straordinarja.”

Aġġornata (1): Assassinju Daphne: Casa u Gomes jirrifjutaw it-talba biex jiltaqgħu mal-aħwa Degiorgio

Dakinhar stess, iż-żewġ MEPs irreaġixxew għal din it-talba u ħarġu stqarrija bejniethom li tgħid li “mhux post il-politiċi li jinnegozjaw ma’ nies suspettati bi qtil.”

Illum, il-Qorti, ippreseduta minn Claire Stafrace Zammit, irrifjutat it-talba hi u tqis l-oġġezzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u n-natura “eċċezzjonali” ta’ din it-talba, li lanqas id-Difiża ma ssapportjat.