Il-Qorti tirrifjuta t-talba ta’ Fenech għal miżura temporanja dwar ix-xhieda

L-Imħallef Anna Felice, hi u tippresedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, irrifjutat talba minn Yorgen Fenech għal miżura temporanja. Fenech kien talab li l-puliizja ma tixhidx dwar informazzjoni li l-akkużat kien għadda fil-laqgħat li kellhom sakemm toħroġ id-deċiżjoni dwar il-maħfra presidenzjali.

Fenech qed jiġi akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li t-talba għal din il-miżura mhux iġġustifikata. Il-Qorti qalet li ma setgħetx tikkunsidra digriet li ngħata mill-Qorti tal-Maġistrati bħala ksur tad-drittijiet fundamentali. Żiedet tgħid li d-digriet kien mgħoddi lill-Qorti kompetenti. Qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda nuqqas.

L-Imħallef Felice qalet li l-għan tal-kumpilazzjoni tax-xhieda hija essenzjalment biex tippreserva l-evidenza. Il-Qorti qalet li l-validità tal-evidenza tista’ tkun kontestata fil-mument opportun meta l-att ta’ akkuża jinħareġ u l-akkużat ikun formalment akkużat. L-evidenza eventwalment tista’ ssir inammissibbli.

Dwar it-talba ta’ Fenech dwar l-interess tal-midja fil-proċedimenti kurrenti, il-Qorti qalet li l-Qorti tal-Maġistrati għandha l-poter li tipprojbixxi l-pubblikazzjoni tal-evidenza li ngħatat fil-Qorti jekk l-istess Qorti tħoss li din tista’ tippreġudika l-proċedimenti kurrenti.