Il-Qorti tippermetti mistoqsijiet dwar x’qal Fenech lill-pulizija

L-avukati tal-familja Caruana Galizia jirbħu dan id-dritt iżda b'limitazzjonijiet

Read in English.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-avukati tal-familja Caruana Galizia sabiex ikunu jistgħu jagħmlu mistoqsijiet dwar dak li Yorgen Fenech qal lill-pulizija basta jkunu relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-avukati tal-familja Caurana Galizia għamlu talba biex jitħallew isaqsu mistoqsijiet lill-prosekuzzjoni dwar kulma qal Fenech meta ġie arrestat u mhux fuq ċerta partijiet biss.

L-avukati ta’ Fenech oġġezzjonaw għal din it-talba bl-argument li talba simili ġiet irrifjutata fl-14 ta’ Ottubru li għadda. Min-naħa tagħha l-Maġistrat Montebello qalet li f’dak id-digriet hija qalet li t-talba għandha tiġi ppreżentata meta r-rekords tal-każ jintbagħtu lura lill-Qorti u dan ġara l-ġimgħa l-oħra. Min-naħa tagħha l-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonatx għal din it-talba u għalhekk, issuktat il-Maġistrat,  it-talba tal-avukati ta’ Caruana Galizia tista’ tiġi aċċettatha.

Il-Maġistrat spjegat li skont il-Kodiċi Kriminali, kull konfessjoni li ssir tista’ tintuża bħala evidenza sakemm il-konfesjoni tkun saret b’mod volontarju. Żiedet li l-liġi ma teskludix konfessjonijiet li saru b’mod kunfidenzjali jew sabiex wieħed jingħata l-maħfra presidenzjali.

L-avukati ta’ Fenech qalu li l-konfessjonijiet ta’ Fenech saru qabel ma nqrawlu d-drittijiet tiegħu u għalhekk ma għandhomx ikunu ammissibbli. Il-Maġistrat Montebello qalet li dan mhux bilfors huwa l-każ madankollu dan jista’ jindika li l-istqarrija ma saritx b’mod liberu.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li ma hemm l-ebda impediment legali li biha tipproduċi xi ħaġa li Fenech seta’ qal lill-pulizija bħala evidenza – anke b’mod kunfidenzjali. Hija enfassizzat li l-avukati jistgħu jsaqsu mistoqsijiet relatati biss mar-reat li dwaru għaddejjin il-proċeduri li huwa l-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.