Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Gvern biex jitwaqqfu d-direttivi tal-MUMN

Read in English.

Il-Qorti aċċettat proviżorjament it-talba li saret mill-Ministeru għas-Saħħa biex l-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ma titħalliex tieħu azzjonijiet industrijali. Il-Ministeru qed isostni li l-azzjonijiet tal-union se jippreġudikaw is-servizz offrut mis-saħħa pubblika b’mod sejru.

L-Imħallef Robert Mangion proviżorjament laqgħa t-talba għal miżura ta’ prevenzjoni qabel ma l-każ jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla.

L-MUMN għaddejja b’tilwima mal-Ministeru dwar problemi finanzjarji fil-ftehim settorjali.

L-union tat struzzjonijiet lill-membri tagħha biex ma jikkordinawx it-trasferiment ta’ pazjenti, biex ma jsegwux it-testijiet tad-demm u riżultati oħrajn, inkluż swabs tal-Covid-19, u direttivi oħrajn skont ma’ liema sptar jaħdmu l-infermiera partikolari.

L-avukati li dehru għall-ministeru argumentaw li d-direttivi jmorru kontra l-liġi, huma sporporzjonati u eċċessivi.

L-avukati Paula Cauchi u Alex Sciberras iffirmaw l-applikazzjoni f’isem il-ministeru.

“Il-Gvern mar il-Qorti biex jiċħad lill-infermiera u l-qwiebel mid-drittijiet tagħhom”

L-MUMN akkużat lill-gvern li mar il-Qorti biex jiċħad lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa mid-drittijiet tagħhom.

“Inħareġ mandat biex iwaqqaf lill-MUMN milli tiddefendi d-drittijiet tal-infermiera u l-qwiebel u membri oħra tal-MUMN milli jitolbu għal kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ xogħol ekwivalenti għal professjonisti tas-saħħa oħrajn,” qalet l-MUMN. Żiedet tgħid li xi ħaġa bħal din mhix aċċettabbli f’pajjiż demokratiku.

L-MUMN qalet li l-mandat inħareġ għal żewġ raġunijiet prinċipali. Skont l-union, il-gvern kien sorpriż li d-direttivi tal-union kienu kompletament ta’ suċċess. Qalet li l-mandat ħareġ għax in-negozjati fallew. “Il-mandat ħareġ għax il-Gvern tilef l-argumenti kollha mal-MUMN madwar il-mejda u dar għall-Qorti biex jinħeba wara l-Maġistrati,” sostniet l-union. Żiedet tgħid li l-gvern m’għandux intenzjoni li jalloka pakkett finanzjarju lill-professjonijiet tal-infermiera u l-qwiebel.

“Il-Gvern iddeċieda li jmur il-Qorti biex iwaqqafkom milli tkunu fuq livell ekwu, qed jirrifjuta li tieħdu shift allowances, li jkollkom iktar CPD Allowances għall-iżvilupp professjonali bħal professjonisti tas-saħħa oħrajn, biex timlew l-appraisal forms u jżommkom milli tieħdu l-istess allowances li jingħataw professjonijiet oħra.”

L-union kompliet billi akkużat lill-gvern li tradixxa lill-frontliners u qalet li l-mandat juri li m’hemmx rispetto lejn iż-żewġ professjonijiet li tirrappreżenta l-union. Żiedet tgħid ukoll li dan juri li l-gvern għażel li jinjora d-drittijiet bażiċi li jitratta persuni b’mod ugwali.

Qalet li filwaqt li trid tirrispetta mandate bħal dan, fl-istess ħin ma tistax tippermetti li tħalli diskriminazzjoni tat-tip tkompli ssir. Sostniet li l-membri tagħha għandhom kull dritt għal drittijiet ugwali u kundizzjonijiet ta’ xogħol ugwali.

L-infermiera u l-qwiebel ma ngħatawx allowance tal-Covid-19

“Hija diġà kerha li l-infermiera u l-qwiebel kienu rrifjutati l-allowances tal-Covid-19, issa qed ikunu rrifjutati wkoll ix-shift allowances filwaqt li qed ikollhom jagħmlu appraisal reports. Intant, professjonijiet oħrajn tħallew ma jagħmlux dawn ir-rapporti.”

L-union qalet li dan juri li d-drittijiet fundamentali tal-kundizzjonijiet ugwali ta’ xogħol inkiser u żiedet li dawn l-inċentivi kienu mitluba wkoll mill-kunsill preċedenti tal-MUMN u kienu rrifjutati fuq il-preżunzjoni li unions oħra jagħmlu talbiet simili.

L-union issospendiet id-direttivi kollha tagħha, ħlief għad-direttivi tas-SAMOC li kienu nħarġu għal raġuni kompletament differenti, kompliet tgħid l-union. Kompliet tgħid li se tkun qed tinforma u titlob sapport mill-għaqdiet korrispondenti tagħha fl-Ewropa u internazzjonalment.