Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”

Il-Maġistrat Ian Farrugia laqa’ r-rikors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex il-Qorti tinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri fuq ħasil ta’ flus.
Dalgħodu, il-Maġistrat li rċieva r-rikors ta’ Simon Busuttil fl-14 ta’ Lulju, ordna l-ftuħ ta’ inkjesta kriminali fuq dawn l-allegazzjonijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mar personalment il-Qorti biex jitlob investigazzjoni dwar jekk il-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama minn Mizzi u Schembri jammontax għal reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus.  
Il-Maġistrat Farrugia ordna li d-deċiżjoni tkun ikkomunikata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, liċ-Chief of Staff Keith Schembru, lill-Ministru Konrad Mizzi, lis-sidien ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini, lill-impjegat ta’ Kasco Limited Malcolm Scerri u l-eks-direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman.
Dawn kollha ngħataw jumejn biex jappellaw mid-deċiżjoni.
Intant fuq Twitter, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kiteb li jinsab sodisfatt li l-Qorti laqgħet it-talba tiegħu biex tinfetaħ inkjesta kriminali fuq Schembri u Mizzi.
Ftit jiem wara li Busuttil ressaq ir-rikors, iċ-Chief of Staff  tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ippreżenta kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Schembri talab biex Busuttil jiġi investigat fuq kalunji, rapport falz lill-awtoritajiet u ġurament falz li għadda lill-Qorti, meta ppreżenta rikorsi kontra Schembri fil-Qorti.
Il-Ħadd li għadda, Simon Busuttil iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet bħala frame-up fuqu u li Keith Schembri qed imeri l-fatti magħrufa.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ilbieraħ, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, bagħat ittra miftuħa lill-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, biex jinvestiga l-ħarsien tal-liġijiet (rule of law) u d-demokrazija f’Malta. 
"Busuttil interpreta ħażin id-Digriet tal-Qorti" – PM
B’reazzjoni għal din l-aħbar, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li għal darb’oħra, Simon Busuttil interpreta ħażin Digriet tal-Qorti għal gwadann politiku.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-Maġistrat Ian Farrugia spjega li jkun fl-aħħar tal-investigazzjoni li jkun jista’ jingħad jekk hemmx lok għal azzjoni kriminali jew le.
L-istqarrija tikkwota l-Maġistrat jgħid li “bis-saħħa tal-investigazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita l-verità ġudizzjarja tal-fatti.”
Tkompli tgħid li l-istess fatti ta’ dan il-każ diġà huma mertu t’inkjesti oħra li diġà qed isiru u li ntalbu mill-Kap tal-Oppożizzjoni bl-istess mod.
Ittemm tisħaq li ma kien hemm ebda prova jew xi informazzjoni ġdida f’dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u li l-membri tal-Gvern se jikkoperaw mal-inkjesta.
“Il-Qorti kkonfermat dak li ilni ngħid” – Simon Busuttil
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din se tkun l-ewwel darba li l-Ministru Konrad Mizzi se jkun qed jitpoġġa taħt investigazzjoni kriminali u t-tielet waħda għal Keith Schembri.
F’kummenti lill-midja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li kieku l-Prim Ministru “ma ħatafx l-istrutturi kollha tal-istat,” kien ikun il- Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali jew il-Prim Ministru nnifsu li jiftaħ l-investigazzjoni.
Kompla jgħid li dak li ġie deċiż illum mill-Qorti, jikkonferma dak li qal hu, jiġifieri li din il-kwistjoni timmerita investigazzjoni serja u li għandha twassal immedjatament għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Id-deċiżjoni titfa’ dell ikrah fuq il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali” – Jason Azzopardi
Intant waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi qal li d-deċiżjoni tal-Qorti titfa’ dell ikrah fuq il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, li fi kliemu ma għamlu xejn minkejja li kellhom f’idejhom l-istess provi.
Kompla kgħid li kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali għandhom jagħtu r-reazzjoni tagħhom għad-deċiżjoni tal-lum u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom.
Qal li l-persuni kollha involuti ppruvaw jostakolaw il-proċess tal-ġustizzja, iżda saħaq li “l-provi kollha fl-iskandlu tal-Panama huma b’saħħithom biżżejjed li kkonvinċew lill-Maġistrat biex jiftaħ din l-inkjesta.
“Simon Busuttil qed jirrepeti gidba li telfitu postu” – Partit Laburista
Irreaġixxa wkoll il-Partit Laburista li qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jirrepeti gidba li n-nies ma tawx kasha fil-kampanja elettorali u wasslitu biex iħalli postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fakkar li d-deċiżjoni tal-lum hija l-istess bħal ta’ ġimgħat ilu, anke qabel l-elezzjoni, meta l-każ għadda f’idejn Maġistrati oħra.
Dwar ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil huwa ddisprat “biex jipprova jiġbor ġieħu” u ma tgħallem xejn iżda jinsab “in denial.”
“Il-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil hija identika għal tiegħi” – Chris Said
Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, qal li l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil hija identika għal tiegħu u li l-azzjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx maħsuba biex tagħti vantaġġ politiku lill-Partit Nazzjonalista.
Said qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ mhux lest li jħalli lil min jagħlaqlu ħalqu.
Kompla jgħid li bħal ma għamel Busuttil, hu mhux se jagħlaq għajnejh quddiem sitwazzjoni ta’ ksur tal-Liġi, ikun min qed ikun jiksirha.
Temm jgħid li se jibqa’ joħroġ għonqu għal dak li hu ġust, sew u tajjeb.