Il-Qorti tilqa’ t-talba għal investigazzjoni fuq min żvela r-rikordings ta’ Melvin

Miguela Xuereb

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet rikors kontra min żvela xi rikordings ta’ Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju. Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet din it-talba u ordnat li ssir investigazzjoni.

Fir-rikors imressaq mill-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja parte civile fl-investigazzjoni tal-każ, il-familja Caruana Galizia titlob lill-Prosekuzzjoni sabiex tinvestiga min kien wara dan l-iżvelar tar-rikordings.

Illum, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, il-Maġistrat Rachel Montebello rreferiet għal dawn ir-rikordings ta’ Theuma li dehru fuq is-sit Reddit fl-aħħar jiem. Insistiet li dawn ma kellhomx jiġu ppubblikati jew jingħataw lil terzi persuni. Il-Maġistrat ikkundannat dan l-aġir, speċjalment wara li parti minn dawn ir-rikordings instemgħet fil-magħluq fis-seduta tat-22 ta’ Lulju.

Fil-qorti qam kjass billi l-Avukat tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech, Dr Charles Mercieca, staqsa għaliex il-Prosekuzzjoni riedet li r-rikordings jinstemgħu fil-magħluq, u allega li hemm korruzzjoni fil-Prosekuzzjoni. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud stqarr li m’għandux problema li jissemmgħu fil-miftuħ is-siltiet fejn jissemma hu b’ismu, iżda l-Prosekuzzjoni riedet li dawn jinstemgħu fil-magħluq billi jissemmew terzi persuni li jaf jispiċċaw fil-periklu.

Fir-rikors tagħha, il-familja Caruana Galizia talbet lill-Qorti tordna lill-Prosekuzzjoni tikseb l-informazzjoni kollha minn Soundcloud marbuta mal-kont li tella’ dawn ir-rikordings online, inklużi l-kopji tal-awdjo li ttella’ u l-indirizzi elettroniċi marbutin miegħu. Ir-rikordings dehru wkoll fuq Reddit, permezz tal-kont bl-isem “animal-farm.” Il-familja riedet ukoll li l-Pulizija tinvestiga min hu wara dan il-kont.

Ir-rikors jgħid li dan l-aġir “m’għadux iktar eżerċizzju leġittimu tal-libertà tal-espressjoni, iżda stratġemma kriminali, maħmuġa, maħsuba u mirquma bi skop speċifiku biex, filwaqt li l-ordni ċara ta’ din l-Onorevoli Qorti tinkiser u tinġieb fix-xejn, titqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ xhieda eżistenti/eventwali f’dawn il-proċeduri ħalli x-xhieda tagħhom tiġi influwenzata indebitament.”

Ir-rikordings ixxerrdu wkoll mil-lekċerer Dr Simon Mercieca, u l-familja riedet li l-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-aġir tiegħu.

Il-Maġistrat qieset dan l-iżvelar bħala disprezz lejn il-Qorti u ordnat li tinfetaħ investigazzjoni fuq il-każ u fuq it-talbiet kollha li ressqet il-familja Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Montebello ordnat ukoll li jiġi investigat liema mezzi tax-xandir xandru dawn ir-rikordings, billi dan hu att kundannabbli. Newsbook.com.mt għażel li ma jippubblikax ir-rikordings li ttellgħu fuq Reddit.