Il-Qorti tilqa’ t-talba biex il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma tiġi esebita

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti laqgħet it-talba biex il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma għax-xhieda tiegħu tiġi esebita. It-talba saret minn Yorgen Fenech li huwa akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnart li għandu jiġi permess il-kxif ta’ dik l-informazzjoni neċessarja mal-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Din qed titqies bħala pass importanti mill-avukati ta’ Fenech peress li jqisu l-maħfra presidenzjali iffirmata mill-President George Vella bħala dokument importanti fil-każ.

L-avukati diġà kellhom skontru fil-Qorti l-Ħamis li għadda mal-Ispettur Keith Arnaud hekk kif dan naqas milli jieħu d-dokument fil-Qorti kif kien ġie mitlub.

Minn diversi xhieda fosthom tal-Ispettur Keith Arnaud u ta’ Melvin Theuma stess joħroġ ċar li l-istess xhud ingħata l-maħfra presidenzjali biex ikun jista’ jikxef lil Yorgen Fenech peress li Theuma kien kompliċi fir-reat. Mix-xhieda joħroġ ukoll li l-maħfra hija marbuta ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet.  Il-Maġistrat għalhekk qalet li l-produzzjoni tad-dokument tal-maħfra presidenzali bit-termini u kundizzjonijiet ma jistax jitqies li mhux rilevanti għall-proċeduri fil-każ.