Il-Qorti tikkonferma li l-Orizzont ħarġet artikli malafamanti kontra Busuttil

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat tliet sentenzi li kienu ddikjaraw li l-gazzetta l-Orizzont ħarġet numru ta’ artikli mhux fattwali dwar l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-2015.

Busuttil kien fetaħ kawżi ta’ libell kontra l-Orizzont minħabba numru ta’ artikli ppubblikati b’allegazzjonijiet dwaru f’Awwissu tal-2015. L-artikli kienu jallegaw numru ta’ affarijiet fosthom li Busuttil għamel rikatt abbużiv għal skopijiet partiġġjani, li ta lil Joseph Gaffarena x’jifhem li kellu s-saħħa li jkun jista’ jiftaħ il-pompa tal-petrol tiegħu minkejja żvilupp illegali, u li ried dokumenti biex ‘ikisser’ l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.

Simon Busuttil jirbaħ 5 libelli dwar il-każ ta’ Gaffarena

Fl-2017, il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar irrifjuta l-applikazzjoni ta’ Joe Gaffarena biex jirregolarizza l-illegalitajiet li għandu fil-pompa tal-petrol f’Ħal Qormi. Madankollu ma sanzjonatux għall-illegalitajiet.

Fl-2016, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Pulizija biex tinvestiga r-rabta bejn Kastilja u l-familja Gaffarena, fid-dawl tal-ftehim li sar dwar il-proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt Valletta.

Josef Caruana kien qed jiddefendi l-kawżi ta’ libell bħala l-eks editur tal-Orizzont. Caruana se jkun qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss mal-Partit Laburista.

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat tliet sentenzi ta’ Ġunju tal-2018 li ddikjaraw l-artikli tal-Orizzont bħala malafamanti. Il-Qorti qalet li ġurnalist li kellu l-interess fil-verità kellu jinduna li l-veżjoni tal-affarijiet li ngħatat minn Gaffarena kienet “tintenn”. Skont il-Qorti, reputazzjoni tajba hi essenzjali fil-ħajja politika u għad-dinjità tal-persuna.

Caruana ġie ordnat iħallas €5,000 f’danni lil Busuttil.