Il-Qorti tikkonferma l-identità ta’ wieħed mill-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa li ġie arrestat f’Malta

police.uk

Raġel mir-Renju Unit li huwa wieħed mill-aktar persuni kriminali mfittxija fl-Ewropa se jkun qed jaffaċċja l-proċess ta’ estradizzjoni nhar it-Tnejn wara li l-Qorti Maltija kkonfermat l-identità tiegħu.

Fil-Qorti llum nstema’ kif Christopher Guest More ta’ 41 sena ġie arrestat f’Malta grazzi għal ħidma konġunta bejn il-Pulizija tar-Renju Unit u dawk ta’ Malta.

Arrestat f’Malta b’rabta ma’ omiċidju fir-Renju Unit

Ir-raġel insista li ismu kien Andrew Christopher Lamb. Ikkontesta l-ordni tal-estradizzjoni peress li qal li ma kienx ir-raġel imfittex.

L-avukat Arthur Azzopardi ddefenda lir-raġel filwaqt li l-avukat George Camilleri deher għan-nom tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

More kien imfittex minħabba r-rabta tiegħu mal-omiċidju “brutali” ta’ missier f’razzett f’Cheshire fir-Renju Unit. F’Mejju ismu żdied mal-lista Ewropea tal-aktar persuni mfittxija. Skont il-Pulizija, is-suspettat għandu rabta ma’ Malta.

Skont il-Pulizija ta’ Cheshire, Christoper Guest More Jr huwa mfittex mill-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Brian Waters f’Tabley madwar 16-il sena ilu. Aktarx telaq mir-Renju Unit ftit wara l-inċident fid-19 ta’ Ġunju 2003.

Wieħed mill-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa għandu rabta ma’ Malta

Skont Sky News, Waters intrabat ma siġġu, inħaraq, ġie attakkat bi staple gun, intrabat rasu ‘l isfel, issawwat u ġie attakkat sesswalment b’ħadida. Din l-informazzjoni kienet ħarġet f’qorti fir-Renju Unit fl-2004. Fi tliet sigħat, Waters sofra 123 ferita.