Il-Qorti tiddeplora l-allegazzjonijiet ta’ Fenech f’rikors

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Maġistrat Rachel Montebello irrifjutat it-talba li għamel Yorgen Fenech permezz ta’ rikors li sar mit-tim tad-difiża aktar kmieni f’Ottubru.

F’digriet maħruġ ilbieraħ, il-Qorti ddeplorat l-allegazzjonijiet li għamel l-akkużat fit-talba tiegħu, li kienet diġà tat struzzjonijiet dwar x’għandu jsir mill-informazzjoni estratta mill-mobile ta’ Fenech. Il-Qorti qalet li ma tat l-ebda direttivi dwar x’għandu jkun eżibit mill-informazzjoni estratta mill-apparat elettroniku li kien ikkonfiskat mingħand l-akkużat.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra s-suspettat bl-assassinju, Yorgen Fenech, kompliet llum, l-Erbgħa, fejn il-Qorti għamlet referenza għal dan id-digriet.

Fenech qed ikun akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fl-2017.

Fir-rikors, Fenech irrefera għal smigħ fil-qorti fejn il-qorti laqgħet talba simili fil-każ tal-informazzjoni li ġiet estratta mill-apparat ta’ Melvin Theuma u xi membri tal-familja tiegħu. L-akkużat qal li l-Qorti tat indikazzjoni li l-istess kien se jiġri fil-każ tal-informazzjoni ta’ Fenech.

Fenech kien issottometta talba għall-ħatra ta’ esperti biex jikkreaw data room fejn l-informazzjoni li ħarġet il-Europol mill-mobile ta’ Fenech, li mistennija tkun eżebita fil-Qorti fi smigħ fiż-żmien li ġej, tkun imqassma skont ir-relevanza għall-każ. L-imputat sostna li t-talba tikkunsidra li l-informazzjoni jista’ jkun fiha informazzjoni dwar terzi parti li jekk toħroġ fil-pubbliku tippreġudika d-dritt tagħhom għal ħajja privata.

L-Avukat Ġenerali u l-parte civile oġġezzjonaw it-talba u sostnew li l-esperti tal-Qorti li nħatru fl-inkjesta fil-qtil kienu ntalbu jestrattaw l-informazzjoni minn fuq l-apparat elettroniku li kien sekwestrat mill-pulizija. Insistew li dawn għandhom jeżebixxu l-informazzjoni kollha u mhux biss parti minnha.

L-informazzjoni hija parti mill-evidenza li se tkun ippreżentata fil-qorti waqt is-smigħ u l-preżervazzjoni tal-evidenza. L-Avukat Ġenerali u l-parte civile argumentaw li d-deċiżjoni dwar liema evidenza għandha titressaq fil-ġuri għandha ssir mill-Qorti Kriminali.

Fid-digriet tagħha il-Qorti qalet li l-akkużat huwa konxju li l-ebda direttiva ma ngħatat mill-Qorti dwar l-informazzjoni estratta mill-apparat elettroniku.