“Int biċċa waħda mal-ieħor ukoll” – Melvin lil Yorgen dwar Joseph Muscat

Read in English.

Sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

X’ħareġ fil-Qorti llum?

  • Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech
  • “Int biċċa waħda mal-ieħor ukoll” – Melvin lil Yorgen dwar Joseph Muscat
  • Chris Cardona jissemma fir-rekordings; ħu d-Degiorgios qalli li njorahom dwar il-ħelsien mill-arrest”
  • “Ħajti ntemmet mal-qtil tagħha,” qal Melvin Theuma fil-Qorti.
  • “Fenech qal li jkun aħjar li l-laptop ikun Malta għax hekk ikunu jistgħu jinfluwenzawh,” qal Theuma fil-Qorti.
  • Il-Qorti awtorizzat li tagħti kopja tar-rekordings ta’ Theuma lil Fenech biex jismagħhom fil-ħabs
  • “Jista’ jkun hemm sa erba’ persuni oħra involuti fil-kumplott tal-assassinju” – Melvin Theuma
  • Keith Schembri mistenni jixhed fis-seduti li jmiss
14:39 Il-Qorti aġġornat għal-lum. Is-smigħ li jmiss se jkun qed isir fis-27 ta' Marzu f'nofsinhar u ta warajh se jkun fit-2 ta' April fil-11am.
Nicole Borg
14:36 Il-Qorti ordnat li l-prosekuzzjoni tressaq lil Keith Schembri, Kenneth Camilleri u Johann Cremona biex jixhdu fis-seduti li jmiss.
Nicole Borg
14:35 Il-Qorti qalet li l-biża' ta' ksur tal-ordni pubblika hija waħda reali. It-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet irrifjutata.
Nicole Borg
14:33 Il-Qorti qalet li ħarset lejn il-fatt li l-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin wara r-rifjut tal-ewwel talba għall-ħelsien mill-arrest għadhom għaddejjin.

Qalet li issa hemm riskji akbar għall-investigazzjoni. Il-Qorti spjegat li hemm individwi li għadhom iridu jixhdu. "Hemm riskju aktar li l-evidenza tiġi mbagħbsa," qalet il-Maġistrat Montebello.
Nicole Borg
14:30 Il_Qorti qed taqra d-digriet wara li kkunsidrat li din kienet it-tieni talba għall-ħelsien mill-arrest mill-akkużat. Il-Maġistrat qalet li qed jgħid sew li l-ħelsien mill-arrest hija ġeneralment ir-regola.
Nicole Borg
14:29 Ikompli s-smigħ fil-Qorti.
Nicole Borg
14:01 Il-qorti ssospendiet is-smigħ għal ftit minuti qabel ma jingħata d-digriet dwar il-ħelsien mill-arrest.
Nicole Borg
14:00 Spjegat li l-Avukat Ġenerali argumenta li kien hemm element ta' ordni pubblika fejn jidħol l-arrest tiegħu.

"X'se jagħmlu? Rewwixti?" staqsiet Dr Camilleri.
Nicole Borg
13:59 Dr Camilleri qalet li wieħed għandu jiġu preżunt innoċenti sakemm dan jinstab ħati mill-Qorti. Hi żiedet tgħid li Fenech kien ingħata l-police bail għal numru ta' drabi.
Nicole Borg
13:56 Dr Camilleri qal li kien hemm kontroll assolut fuq l-evidenza. Hi żiedet tgħid li r-rekordings diġà kienu ppreservati.
Nicole Borg
13:55 Dr Caruana Curran irrimarka li l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff kellhom jirreżenjaw dwar dan il-każ, iżda dawn għadhom ħielsa. Hu żied jgħid li "dan mhux ġust fuq il-klijent tagħna."
Nicole Borg
13:54 "Jidher li l-każ huwa aktar dwar Melvin Theuma u li dan jgħid il-verità, hekk kif ir-rekordings juru li hu qed jigdeb," qal Dr Caruana Curran.
Nicole Borg
13:52 Dr Caruana Curran qal li Fenech kellu kondotta tal-pulizija nadifa. Qal li qabel ma tressaq il-Qorti, Fenech kien żamm mal-istruzzjonijiet kollha tal-police bail.
Nicole Borg
13:50 L-Avukat Ġenerali ssottometta risposta dwar il-ħelsien mill-arrest ta' Fenech. Il-prosekuzzjoni qalet li hi taqbel mat-tweġiba tal-Avukat Ġenerali.
Nicole Borg
13:45 Dr Caruana Curran staqsa għal kopja tar-rekordings ta' Theuma għal Fenech sabiex ikun jista' jismagħhom fil-ħabs. Il-Qorti awtorizzat lil Dr Caruana Curran u lil Dr Camilleri sabiex jgħaddu d-DVDs li fuqhom kien hemm ir-recordings lil Fenech fil-ħabs.
Nicole Borg
13:40 Id-dikjarazzjonijiet kienu ħarġu meta Yorgen Fenech ġie interrogat mill-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra. Arnaud spjega li l-avukati tad-difiża kienu ngħataw kopja ta' dawn id-dikjarazzjonijiet. Qal li huma jixtiequ jippreżentawhom aktar tard.

Il-Qorti aċċettat li d-dikjarazzjonijiet ta' Fenech jiġu eżibiti darboħra imma għamlitha ċara li dawn iridu jiġu ppreżentati fil-Qorti.

"Il-miżuri kollha" li jissalvagwardjaw l-investigazzjonijiet se jkunu qed jittieħdu mill-Qorti.
Nicole Borg
13:37 Il-Maġistrat Montebello irreferiet dwar kif id-dikjarazzjonijiet li għamel l-akkużat kellhom jiġu eżebiti llum. Arnaud qal li huma kienu qed jitlobu sabiex jissottomettu dawn id-dikjarazzjonijiet ġurnata oħra, sabiex jassiguraw li ċerti dettalji ma joħorġux lill-midja f'dan l-istadju minħabba li għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin.
Nicole Borg
13:36 Theuma jinżel mill-pedana tax-xhieda.
Nicole Borg
13:35 Cardona jissemma mill-ġdid. Ir-rekording jitwaqqaf hekk kif skont il-partijiet, it-traskrizzjonijiet kellhom kliem u frażijiet neqsin minkejja li kienu jinstemgħu.
Nicole Borg
13:32 Ir-rekording jinstema' fil-Qorti. Theuma jinstema' jgħid li nkisrulu l-breakijiet imma tal-inqas ma ndarabx. Theuma ikkonferma l-identità taż-żewġ persuni li jinstemgħu fir-rekordings.
Nicole Borg
13:28 Il-partijiet differeti tal-każ solvew xi problemi proċedurali u se jkun qed jinstema' rekording ieħor.
Nicole Borg
13:22 Azzopardi jtemm l-eżami tax-xhud.
Nicole Borg
13:19 Azzopardi issa qed jistaqsi dwar il-parti fejn tissemma li l-karozza tħalliet ipparkjata barra minn iben Daphne. Hu staqsa lil Theuma jekk Yorgen Fenech qattx kien qallu li kien hemm attakki koordinati minn Kastilja fuq il-familja. Theuma wieġeb jgħid li Fenech qatt ma qallu dwar dan.
Nicole Borg
13:16 Azzopardi beda jistaqsi dwar l-isem Alex. "Yorgen Fenech qatt semma lid-deputy ta' Keith Schembri, Alex Muscat?" Theuma qal li sa fejn jaf hu, l-isem Alex Muscat qatt ma ssemma.
Nicole Borg
13:13 Azzopardi staqsa lil Theuma min qallu l-kliem "qal appoġġ ma sab mingħand ħadd". Theuma qal li kien Mario Degiorgio li qallu dan il-kliem".

Azzopardi staqsa x'kien it-tip ta' sapport li kienu qed jistennew u Theuma wieġeb li għall-ħelsien mill-arrest.
Nicole Borg
13:11 Cardona jissemma fir-rekordings wara li Mario Degiorgio lmenta ma' Melvin Theuma li Cardona injorahom dwar il-ħelsien mill-arrest. Azzopardi qal li kien hemm aktar avukati li kienu Ministri bħal Edward Zammit Lewis u Owen Bonnici.

Theuma rrepeta li hu qatt ma staqsa x'kien l-involviment ta' Cardona.
Nicole Borg
13:08 Il-Qorti talbet kjarifika mix-xhud. Aktar kmieni qal li l-erba' l-oħra kienu referenza għall-irġiel l-oħrajn li kienu involuti mal-assassini. Issa qed jgħid li dawn kienu l-imħuħ.

Theuma qal li dak li qed jgħid kien milli sema' fl-aħbarijiet. Hu żied jgħid, "forsi aktar nies resqu jkellmuhom".
Nicole Borg
13:06 Theuma qal: "Eq minn moħħi. Kien hemm ħafna persuni li bdew jissemmew fil-ħwienet." Hu żied jgħid li jemmen li kien hemm persuni oħrajn li kienu bagħtu lill-aħwa Degiorgio. "Forsi l-aħwa Degiorgio kienu daħħlu erba' persuni oħrajn magħhom," kompla jgħid.
Nicole Borg
13:04 Azzopardi staqsa lil Theuma dwar il-mistoqsija ta' Fenech fir-rekordings: "Vince Muscat jaf dwar l-oħrajn?"

Theuma qal li kien hemm erba' oħra involuti fl-assassinju fir-rekordings. Theuma reġa' qal li hu mhux mgħarraf dwar min kienu l-oħrajn u għaliex semma erba' oħrajn. Theuma qal li sempliċiment ħarġitlu hekk.

"In-numru ħareġ hekk mela?" staqsiet il-Maġistrat b'dubju dwar dak li kien qed jgħid Theuma.
Nicole Borg
12:59 Azzopardi rrefera għall-kliem "Huma qdew lil kulħadd u ma sabux għajnuna". Hu staqsa l-kelma "huma" għal min qed tirreferi. Theuma wieġeb li din qed tirreferi għall-aħwa Degiorgio.

Azzopardi staqsa l-kelma "kulħadd" għal min qed tirreferi. Theuma qal li dak kien il-kliem li qal Mario Degiorgio u hu qatt ma kien staqsih għal min kien qed jirreferi meta qal "kulħadd".

Azzopardi staqsi kif sa dik il-konverżazzjoni, Mario Degiorgio kien għadu ma jafx bl-involviment tiegħu. "Allura inti ma kontx taf għal min kien qed jirreferi Mario Degiorgio meta qal 'kulħadd'?"

Theuma qal "le naħlef li ma staqsejtux. Imma jekk għamel il-kalkoli tiegħu hu seta' jirrealizza". Sostna li huma 100% ma kinux jafu dwar Fenech.

Il-Maġistratt staqsa għaliex Mario semma l-kelma "kulħadd" u jekk staqsihx. Theuma qal "le".
Nicole Borg
12:58 Theuma qal lil Azzopardi li hu kien inkwetat dwar ix-xhieda tal-FBI fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati li qatlu lil Daphne. Fir-rekordings, Fenech qallu li l-FBI ma kellhomx informazzjoni dwarhom.
Nicole Borg
12:54 Dr Azzopardi staqsa għaliex issemma l-Imħallef Mizzi. Theuma spjega li Mario Degiorgio kien qallu li kienu ssottomettew talba għall-ħelsien mill-arrest quddiem l-Imħallef Mizzi, forsi xi ħadd imur ikellmu. "Ħa jitfgħu l-pledge quddiem Mizzi, forsi jkellimulhom xi ħadd"
Nicole Borg
12:53 Theuma affaċċja aktar mistoqsijiet dwar kif it-tliet irġiel setgħu jirbħu l-ġurija. Hu wieġeb jgħid li hu qatt ma staqsa dwar kif kien konvint li t-tliet irġiel kienu se jirbħu l-ġuri.
Nicole Borg
12:52 Azzopardi staqsa għaliex kien qed jgħid lil Fenech biex ma jkunx kalm fir-rekording. Theuma qal li dan għax Fenech ma kien qed jagħmel xejn u kien hemm bżonn li s-sitwazzjoni tissolva.

Azzopardi semma kif Fenech kien dak li ta l-flus. Theuma wieġeb jgħid li l-flus ma jfissru xejn meta wieħed jispiċċa fil-ħabs.
Nicole Borg
12:48 Theuma affaċċja mistoqsijiet dwar dak li ħareġ fir-rekordings li Mario Degiorgo qallu biex jgħid "lilhom" dwar il-ħelsien mill-arrest, li kellu jsir bejn tliet ġimgħat u xahar wara.

Azzopardi staqsieh jekk kienx qed jibża' li l-aħwa Degiorgio kienu se jikxfu. Theuma qal li hu ma kienx jaf jekk Fenech kienx qed jibża' imma hu iva.
Nicole Borg
12:46 Azzopardi staqsa dwar it-tibdil fil-Maġistrat li ssemma fir-rekordings. "Anzi aħjar ħa jiġu issa" kien il-kliem li nstema' hawn. Azzopardi staqsa għaliex l-affarijiet ikunu aħjar. Theuma qal li hu ma kienx staqsih għaliex jemmen dan.
Nicole Borg
12:44 Azzopardi beda jaqra mit-traskrizzjoni dwar "il-kontroll tal-affarijiet". Hu staqsa lix-xhud dwar x'kien qed jirreferi għalih hawn.

Theuma wieġeb jgħid li hu kien qed jirreferi għall-possibilità li jinkixef.
Nicole Borg
12:40 Azzopardi staqsih "inti tiftakar tara banners dwar il-laptops?"

Theuma qal li jiftakar jara sinjal ħdejn il-mini ta' Santa Venera.

Azzopardi qal "Iva. Dak kien fis-17 t'April 2018. Tiftakar x'kien għamel il-Fulu mbagħad?"

Theuma wieġeb li l-Fulu mbagħad kien issottometta protest sabiex il-laptops jinġiebu lura Malta mill-Ġermanja.

Azzopardi qal li dan li qed jgħid Theuma seħħ fit-18 ta' April tal-2018. Staqsieh jekk jiftakarx meta l-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu qed jiktbu dwar il-laptops. Theuma qal li "minkejja li jien ma nifhimx bl-Ingliż naf li kien hemm miktub 'where is Daphne's laptop'"
Nicole Borg
12:38 Dr Azzopardi beda jeżamina lix-xhud. Hu staqsa dwar iż-żmien meta seħħew dawn ir-rekordings. Dan hekk kif qed jingħaqad timeline ta' dak li qed jgħid ir-raġel.

Theuma qal li ma jiftakarx eżatt imma kien iż-żmien meta kienu qed jissemmew ħafna l-laptops ta' Caruana Galizia.

"Jekk issemmiet fl-aħbarijiet filgħaxija, kont ħdejn Yorgen l-għada," qal Theuma.
Nicole Borg
12:35 Theuma qal li hu kien qed jirreferi għal George Degiorgio meta qal li "l-ieħor kien iħobb il-kokaina, l-akoħol u n-nisa".
Nicole Borg
12:34 Fir-rekordings, Theuma qal li hu kien se jagħti għażla lil xi ħadd.

"Kont lest li ngħid lil Mario li se nagħtih il-flus u ngħidlu jekk trid tikxifni għamel dan. Ma bqajtx jimpurtani. Imma qatt ma kelli kuraġġ ngħidlu hekk. Kont inbaxxi rasi," qal Theuma.
Nicole Borg
12:32 "Ħajti ntemmet mal-qtil tagħha," qal Theuma fil-Qorti.
Nicole Borg
12:30 B'leħnu emozzjonat, Theuma qal li kien xeba' u kien pprova jmur għand il-pulizija aktar minn darba. "Ma stajtx norqod, kont qed ngħix f'biża' kbira. Kont xbajt," qal Theuma.

Theuma kien qed iwieġeb għal mistoqsija li titkellem dwar meta mar biex iqaxxar il-leħja għax ma kienx qed jieħu ħsieb tiegħu nniffsu.
Nicole Borg
12:26 L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud qed jistaqsi dwar il-parti li tikkonċerna l-laptops. Theuma qal li hu ma kienx ċert jekk din intqalitx minnu jew minn Yorgen Fenech. Hu kien qed jirreferi għall-parti fejn intqal li jekk il-laptop jiġi lura jista' jintuża biex iħawwad lill-pubbliku.

Waqt il-konverżazzjoni dwar il-laptop jissemma l-isem "Alex". Fenech jinstema' jgħid "ħa nitkellem ma' Alex dwar dan".

Theuma qal li t-traskrizzjoni hija ħażina. Qal li hu ma jaf lil ħadd li huwa involut bl-isem ta' Alex.
Nicole Borg
12:24 "Sa fejn naf jien huma lili kienu jafu mhux lil Yorgen," qal Theuma.

Hu u jitkellem dwar it-tlett irġiel, Theuma qal li huma kienu għenuhom bil-flus sat-Tnejn ta' qabel ma sar l-arrest.
Nicole Borg
12:21 Theuma qal li hu ħa l-kliem ta' Mario Degiorgio "kulħadd se jegħreq magħhom" bħala theddida għalih. Skont is-sensar tal-assassinju, George Degiorgio kien jitlob l-aktar għall-flus.
Nicole Borg
12:19 Arnaud staqsa dwar il-kliem "Mela tal-avukati mhux kbira? 75 jew?". Staqsa f'liema kuntest intuża.

Theuma qal li hawn kien qed jirreferi għal Dr William Cuschieri li qed jidher f'isem l-aħwa Degiorgo. Qal li dan tħallas €75,000 fi spejjeż legali. Qal li Mario Degiorgio kien tah l-irċevuti.
Nicole Borg
12:17 Theuma spjega li hu semma lil Cardona għax kien avukat u kien jaf lill-Imħallfin kollha. Tkellem dwar ir-referenza lejn "ix-xiħ" (Joseph Muscat) u qal li ladarba Muscat ma kienx avukat, ma kienx jaf kif jaħdmu l-qrati.
Nicole Borg
12:07 Melvin Theuma jerġa' jitla' jixhed.
Nicole Borg
12:04 Lura fl-awla. Tidħol il-Maġistrat Montebello.
Nicole Borg
11:49 Jieqfu għal ftit ħin.
Nicole Borg
11:49 Dr Marion Camilleri pprotestat dan u qalet li qed jeħlu fuq kelma waħda. Il-Qorti wieġbet tgħid li l-argument huwa validu u importanti għall-każ speċifiku. Il-Qorti ma aċċettatx il-protesta tagħha.
Nicole Borg
11:44 Lura għad-dibattitu dwar "Keith" u "kif". Theuma joħroġ mill-awla filwaqt li t-transcriber bdiet tixhed.
Nicole Borg
11:40 Arnaud staqsa lil Theuma dwar il-kliem "il-Koħħu naħseb ma jafx bl-oħrajn". Arnaud staqsa min huma "l-oħrajn". Theuma qal li ma jafx.

Il-Qorti staqsiet "Allura meta qallek li ma kienx jaf dwar l-oħrajn, inti x'weġibt? Ma staqsejtux għal min kien qed jirreferi?"

Theuma qal li hu kien wieġeb jgħid li jaħseb li hemm erbgħa oħra.
Nicole Borg
11:38 Mario Degiorgio kien staqsa lil Theuma dwar l-involviment tiegħu fl-assassinju. Theuma qal li hu ma kellux x'jaqsam, qal li hu kien biss qed jgħin lil dawk involuti.

Il-Qorti staqsiet: Allura għal Mario Degiorgio, inti persuna li kienet qed tgħin lil ħutu? Theuma wieġeb jgħid li iva.
Nicole Borg
11:33 Theuma rrefera għall-kliem 'huma qdew lill-kulħadd u ma sabux għajnuna'. Hu qal li dan id-diskors kien qalulu Mario Degiorgio.

Il-Qorti tistaqsi għal min qed jirreferi meta jgħid "qdew lil kulħadd"

Theuma reġa' rrepeta s-sentenza, u l-Qorti staqsiet jekk kienx staqsa għal min kien qed jirreferi Mario Degiorgio bil-kliem "kulħadd". Theuma wieġeb li ma kienx staqsih.

Il-Qorti staqsiet jekk huma kinux jitkellmu b'tali mod fejn ma kinux jissemmew ismijiet. Theuma wieġeb li huma qatt ma kienu jsemmu ismijiet. Kompla billi qal li hu ma jafx x'informazzjoni għandu Mario Degiorgio u ma jafx għal min qed tirreferi l-kelma "kulħadd".
Nicole Borg
11:28 Ħareġ kif Mario Degiorgio kien qal lil Theuma li l-kumpilazzjoni ta' evidenza kienet se tintemm dalwaqt. L-irġiel kienu bagħtu messaġġ lil Theuma jgħidu li jekk huma jinsabu l-ħabs, mela kull min kien involut kien se jispiċċa l-ħabs.

Theuma qal li hu kien inkwetat li meta t-tlett irġiel jaslu biex jitressqu taħt att ta' akkuża fil-Qorti u jgħaddu ġuri, kienu se jikxfuh.

Theuma kompla jgħid li Mario Degirogio beda jitfa' aktar pressjoni fuqu. Hu żied jgħid li kien qed jaħseb li jekk dawn jingħataw il-ħelsien mill-arrest kienu se jaħarbu mill-pajjiż immedjatament.
Nicole Borg
11:24 Theuma kkonferma li huma kienu qed jitkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest. Arnaud staqsa lil Theuma kif kien jaf dwar l-applikazzjoni fil-Qorti u jekk hu kienx żar lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs.

Theuma qal li hu kien sar jaf minn Mario Degiorgio u kien bagħat il-messaġġ tiegħu miegħu.

Arnaud irrefera għal parti mir-rekording fejn Theuma instema' jgħid: 'int biċċa waħda mal-ieħor ukoll'. Arnaud staqsih għal min kien qed jirreferi hawn.

Theuma wieġeb li hu kien qed jirreferi għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Qorti staqsiet: "Allura inti stennejt li Yorgen Fenech isolvi s-sitwazzjoni permess tal-Prim Ministru?"

Theuma wieġeb li fil-pożizzjoni tiegħu, il-Prim Ministru kien jaf ħafna nies. Fenech iżda kien wissieh li din kienet idea ħażina.
Nicole Borg
11:19 Theuma qal li hu kien sema' dwar il-laptop mill-aħbarijiet, minn dak li kienu qed jgħidu n-nies u minn sinjali li bdew jistaqsu "fejn hu l-laptop ta' Daphne".

Hu qal li kien inkwetat li jekk il-laptops jiddaħħlu Malta, imbagħad isiru jafu l-informazzjoni li Caruana Galizia kellha fuq Fenech. Qal li b'konsegwenza ta' dan, Fenech kien jiġi interrogat.

Fenech jidher ixengel rasu.

"Fenech qal li jkun aħjar li l-laptop ikun Malta għax hekk ikunu jistgħu jinfluwenzawh," qal Theuma. Qal li din iżżid il-possibiltà tas-suspettati wara l-assassinju tagħha għax hi kienet tikteb dwar diversi persuni.
Nicole Borg
11:17 Theuma qal li dan ir-rekording imur lura għall-2018 jew l-2019 u kienu fil-farmhouse ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ.

Ix-xhud spjega li r-rekordings saru meta Vince Muscat (il-Koħħu) beda jkellem lill-pulizija. Instema' kif din il-konverżazzjoni partikolari seħħet wara li Kenneth u Johann Cremona żaru lil Theuma u wiegħduh il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
Nicole Borg
11:16 Theuma jgħid lil Fenech "I am off" qabel ma reġgħet kompliet il-konverżazzjoni. Hu ta numru lil Fenech u f'daqqa waħda jissemmew "€6,000…" minn Theuma.
Nicole Borg
11:06 Fir-rekordings Theuma jinstema' jgħid li kien ikun aħjar li jġibu lura l-laptops…''il-laptops aħjar iġibuhom, mija fil-mija'.

Wara Fenech jinstema' jwieġeb qalb l-użu ta' kliem baxx. Qal li fuq il-laptops jistgħu jsibu persuni oħrajn li setgħu kellhom mottiv biex joqtluha.

Theuma nstema' jgħid ukoll "il-karozza għalfejn ħalliha barra" b'referenza għaliex il-karozza tħalliet ipparkjata barra.
Nicole Borg
11:01 Bilqiegħda maġenb l-avukat tiegħu, Yorgen Fenech qed idur it-traskrizzjonijiet. Xi kultant hu jidher jidħak.

Ir-rekordings huma diffiċli li wieħed jifimhom.
Nicole Borg
10:50 L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud jitlob biex jerġa' jisma' parti minn rekording mill-ġdid. Sostna li hija parti importanti.

Arnaud irrimarka li f'dak il-punt hemm ċans li ssemma l-isem "Keith" jew inkellha intqalet il-kelma "kif". Id-difiża oġġezzjonat u qalet li Arnaud ma għandu l-ebda jedd jitlob dan.

L-avukat Azzopardi kompla billi qal li qabel ma toħroġ ix-xhieda, it-transcriber għandha tixhed dwar dak li semgħet.
Nicole Borg
10:45 Theuma qed jirreferi għal Mario Degiorgio, ħu Alfred (il-Fulu) u George (iċ-Ċiniż). Dawn qed jiġu akkużati li kienu huma li qatlu lil Caruana Galizia flimkien ma' Vincent Muscat.
Nicole Borg
10:38 Il-konverżazzjoni bejn Fenech u Theuma tikkonċerna l-wiegħda tal-ħelsien mill-arrest għat-tliet irġiel akkużati li qatlu lil Caruana Galizia. Ir-rekording mhux ċar ħafna. Theuma jinstema' jgħid li "fi żmien tlett ġimgħat, madwar xahar, l-irġiel se jingħataw il-ħelsien mill-arrest."

Il-konverżazzjoni tkompli dwar il-wiegħda ta' ħelsien mill-arrest għat-tliet irġiel. Theuma jgħid lil Fenech li ħu l-aħwa Degiorgio kien qed jagħmel pressjoni fuqu. ['Ħuh xeba jissikkani!']
Nicole Borg
10:31 L-ewwel rekording jibda jinstema' fil-Qorti.
Nicole Borg
10:30 Melvin Theuma se jkompli x-xhieda tiegħu bis-smigħ ta' aktar rekordings.
Nicole Borg
10:25 Il-Qorti esprimiet it-tħassib tagħha wara li rat it-traskrizzjonijiet ippubblikati verbatim.

Il-Qorti rreferiet għal digriet li ngħata fit-30 ta' Jannar fejn il-Qorti tat struzzjonijiet dwar x'jiġri fuq traskrizzjonijiet.

Il-Qorti affermat mill-ġdid l-ordni maħruġa fit-30 ta' Jannar u għamlitha ċara li din il-projbizzjoni twaqqaf ippubblikar ta' informazzjoni kemm mir-rekordings u anke mit-traskrizzjonijiet. Qalet li kull pubblikazzjonijiet tat-tip ifissru disprezz għall-Qorti.

Il-Qorti spjegat li l-ġurnalisti jistgħu jirrappurtaw dwar dak li joħroġ mir-rekordings fil-Qorti, jekk il-Qorti tati permess ta' dan. Il-ġurnalisti ma jistgħux jingħataw kopja tat-traskrizzjonijiet jew tar-rekordings.
Nicole Borg
10:22 Il-Qorti esprimiet it-tħassib tagħha dwar kummenti fil-midja dwar it-traskrizzjonijiet u l-awdjo li ma kienx jinstema' b'mod ċar. Il-Maġistrat staqsiet lill-parte civile jekk kienx hemm xi problemi dwar it-traskrizzjonijiet.

Dr Azzopardi qal li ma kellu l-ebda problema u li hu ma kien ta l-ebda kummenti lill-midja.

Id-difiża, il-prosekuzzjoni u l-parti ċivili kkjarifikaw li ma kellhom l-ebda problema bil-persuni mqabbda mill-Qorti biex jiddokumentaw it-telefonati.
Nicole Borg
10:19 Dr Marisa Mifsud hija l-ewwel xhud tal-lum. Mifsud intalbet tisma' r-rekording 003 u tirranġa t-traskrizzjoni tiegħu kif kien hemm bżonn.

Mifsud ippreżentat kopja tat-traskrizzjoni fil-Qorti.
Nicole Borg
10:18 Il-Maġistrat Rachel Montebello tidħol fl-awla.
Nicole Borg
10:07 Is-suspettat bl-assassinju ta' Caruana Galizia diġà jinsab fl-awla, bilqiegħda maġenb żewġ uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

L-avukati Dr Marion Camilleri u Dr Gianluca Caruana Curran qed jidhru għall-akkużat u jinsabu fl-awla.

L-avukati Dr Jason Azzopardi u Dr Peter Caruana Galizia jinsabu wkoll fl-awla.
Nicole Borg
10:00 Grazzi talli ngħaqadtu magħna. Newsbook.com.mt se jkun qed jirrapporta dak li qed joħroġ f'Awla 11 illum minuta b'minuta fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta' Yorgen Fenech.
Nicole Borg

Minkejja li fl-aħħar seduta l-Qorti qalet li se tkun qed tiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech, hemm ċans li dan ma jsirx illum. Dan hekk kif illum qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu fil-każ dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu qed jiġi akkużat b’involviment fl-assassinju.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Kien hemm in-numru ta’ Chris Cardona fuq mowbajl li nstab f’rejd fil-Marsa, skont Theuma
  • Jerġgħu jissemmew Keith Schembri, Joseph Muscat, u Silvio Valletta
  • Tħassib dwar Melvin Theuma li qed jgħid li ma jiftakarx għadd ta’ dettalji
  • Jinstabu aktar żbalji fit-traskrizzjonijiet tal-Qorti

L-investigazzjoni qed titmexxa mill-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra.

L-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għall-akkużat. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.