Il-Qorti tiddeċiedi li nkisru d-drittijiet ta’ Yorgen meta ngħalqet il-Qorti

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-Qorti sabet li nkisru d-drittijiet ta’ Yorgen Fenech bir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika imposti minħabba l-pandemija tal-coronavirus, u ordnat li l-kumpilazzjoni tax-xhieda tkompli tinstema’ immedjatament.

L-Imħallef Lawrence Mintoff qata’ s-sentenza tal-każ kostituzzjonali kontra s-Supretendet tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, imressaq minn Fenech, dalgħodu.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ilu jinżamm arrestat minn Novembru li għadda, sakemm għaddejjin proċeduri fil-Qorti kontrih, u qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ. Madankollu, din kellha tintemm ħesrem ladarba l-Qorti għalqet il-bibien tagħha bħala waħda mir-restrizzjonijiet meħudin kontra l-imxija tal-coronavirus.

It-tim tad-Difiża ta’ Fenech, magħmul mill-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca argumentaw, fost l-oħrajn, li l-avviż legali li ssospenda l-proċeduri tal-qorti, spiċċa biex kiser id-dritt ta’ Fenech li ssir ġustizzja fi żmien raġonevoli.

L-Imħallef illum iddeċieda li d-drittijiet ta’ Fenech, eks Direttur tat-Tumas Group u sid il-kumpanija 17 Black, verament inkisru f’dan ir-rigward, u ordna li l-kumpilazzjoni tkompli immedjatament.

Il-kumpilazzjoni għandha tibda tinstema’ mill-ġdid nhar it-Tnejn li ġej.