Il-Qorti tiddeċiedi li l-Air Malta tista’ tkeċċi d-69 bdot

Aġġornat 04:46 PM
Photo by: AirMalta

Read in English.

Il-Qorti lbieraħ iddeċidiet li l-Air Malta tista’ tkeċċi d-69 bdot. Intant, il-Qorti kkonfermat it-talba tal-Airline Pilots Association (ALPA) biex jitwaqqfu d-demozzjonijiet ta’ 30 bdot ieħor.

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA) fetħet protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Air Malta p.l.c. talli aġixxiet kontra t-termini tal-mandat maħruġ mill-Qorti fis-7 ta’ Ġunju li jordna biex ma jkunx hemm tkeċċija tal-bdoti.

Il-Qorti kienet laqgħet rikors li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA) wara li saret taf minn stqarrija tal-Air Malta li l-membri tagħha tkeċċew. Il-mandat ta’ inibizzjoni jitlob lill-Air Malta biex ma tkeċċix il-bdoti sakemm jinstema’ r-rikors quddiem il-Qorti nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju.

Minkejja dan il-kumpanija keċċiet total ta’ 69 bdot u jidher li qalet li ma kinitx taf bil-mandat ta’ inibizzjoni qabel ma’ għamlet dan.

L-Imħallef Toni Abela sostna li l-Qorti ma għandha l-ebda poter li twaqqaf it-tkeċċijiet għax dawn diġà saru. Kien spjegat kif filwaqt li l-linja tal-ajru qalet li se tibqa’ timpjega 62 bdot, 69 kienu ddikjarati mkeċċija minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija li waqqfet lit-turiżmu. Dawn kienu ġew infurmati bit-tkeċċija tagħhom permezz ta’ email li ntbagħat fil-5 ta’ Ġunju. Din l-ittra ntbagħtet wara li l-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar l-istess terminazzjoni ta’ impjiegi kien iġġedded għal 60 jum u kien skada jew wasal fl-aħħar jum tiegħu.

Abela sostna li dejjem jibqa’ dritt ta’ min jimpjega li jekk il-kumpanija ma tibqax finanzjarjament b’saħħitha biex iżżomm lill-ħaddiema kollha tagħha fl-impjieg, għandha dritt li tittermina sakemm timxi mal-prinċipji tar-relazzjonijiet industrijali. Qal li din il-Qorti mhux se tkun qed tidħol fil-mertu ta’ jekk it-tkeċċijiet sarux skont dawn il-prinċipji jew le għax dik taqa’ taħt kompitu ta’ Qorti oħra.

Hu spjega li meta ntbagħtet l-ittra ta’ terminazzjoni, minkejja li l-effett tat-tkeċċija kellu jibda mit-8 ta’ Ġunju, id-deċiżjoni li l-impjieg jiġi tterminat abbażi ta’ redundancy kienet diġà ttieħdet, anke jekk b’effett minn xi jiem wara. Sostna li dawn il-proċeduri fil-Qorti mhux maħsuba li jreġġgħu lura deċiżjonijiet li jkunu diġà ttieħdu. B’hekk il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-ALPA li joħroġ mandat dwar it-terminazzjonijiet tal-impjieg.

Intant, fejn jidħol l-ilment tal-assoċjazzjoni b’rabta mat-30 bdot li ħadu demozzjoni mill-5 ta’ Ġunju, il-Qorti qalet li dawn jidher li l-paga tagħhom ma nbidlitx mal-irwol. Il-Qorti fehmet li fil-cockpit tal-ajruplan ikun hemm żewġ kaptani, u l-aktar wieħed anzjan ikun qed imexxi. L-Imħallef qal li għalkemm jista’ jkun li ma kull kaptan ikun hemm first officer, m’għandu jkun hemm l-ebda ostaklu li jkun hemm żewġ kaptani biex jittajjar ajruplan. Il-Qorti sostniet li deċiżjoni tat-tip tista’ taffettwa lill-pilota fl-ingaġġ ta’ xogħol fl-istess qasam fil-futur. Dan hekk kif fil-log book tagħhom, minflok ikunu mniżżla bħala kaptan, ikunu mniżżla bħala first officers.

L-ALPA tilqa’ d-deċiżjoni dwar id-demozzjonijiet

Intant, fi stqarrija, l-ALPA laqgħet id-digriet tal-Qorti dwar id-demozzjonijiet. Qalet li l-Qorti sabet li hemm għaliex jilmentaw dwar id-deċiżjoni tal-Air Malta. Qalet li l-Qorti laqgħet l-argumenti relatati mal-falliment tal-kumpanija milli tiddiskuti u tinnegozja f’dan il-każ.

Min-naħa l-oħra, b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti li l-Air Malta titħalla tkeċċi d-69 bdot, l-ALPA qalet li se tkun qed tiftaħ proċedimenti biex tikkumpensa lil dawn il-bdoti u tindirizza l-irregolaritajiet eżistenti. Qalet li se tkun qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-membri tagħha.