Il-Qorti tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet industrijali f’Helen Keller

F'deċiżjoni tal-Qorti, l-MUT qalet li ngħatat raġun dwar il-każ tal-jacuzzi fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Helen Keller u qalet li se żżomm id-dritt li treġġa’ lura l-azzjonijiet industrijali biex tipproteġi l-membri tagħha fil-kwistjonijiet kollha inklużi s-saħħa u s-sigurtà.
Qalet li qed tistenna' li tirċievi informazzjoni konvinċenti dwar kif, meta u min se jwettaq it-testijiet, li l-Qorti kkonfermat li dan huwa obbligu fil-liġi mqiegħed fuq il-fornitur tas-servizz u mhux fuq Unjin li tipproteġi lill-membri tagħha.
L-MUT qalet li l-Qorti kkonkludiet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà ma tistax iżżomm lill-Unjin milli toħroġ direttivi lill-ħaddiema f’dan iċ-Ċentru tar-Riżorsi.
Il-For.UM qalet li minn dan il-każ joħroġ ċar li l-klima għall-azzjonijiet industrijali mhix tajba.
Il-For.UM żiedet tgħid li tinsab iddiżappuntata li d-dritt għall-azzjoni industrijali qed jiġi mhedded fil-Qorti minflok li jiġu riżolti d-diffikultajiet permezz tal-mezzi apposta stabbiliti fl-Att dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà reġgħet sostniet li kellha twaqqaf id-direttivi industrijali imposti mill-MUT minħabba li studenti b’diżabiltà severa kienu qed jiġu mċaħħda mis-sessjonijiet tal-idroterapija.
Il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa li tintervjeni għax hija marbuta bl-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità) biex tiddefendi d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità. Spjegat li din il-liġi, li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiddefendi dawn id-drittijiet, tipproponi wkoll li tkun ogħla mill-liġijiet l-oħra kollha fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet ta’ persuni b'diżabilità.
Il-Kummissjoni stqarret li hija dejjem lesta tikkollabora għall-aħjar interessi ta' persuni b'diżabilità u tittama li For.UM u l-MUT jifhmu l-kuntest tal-azzjonijiet tagħhom.